L-ISPIŻERIJA TAL-GĦAŻLA TIEGĦEK FIN-NAĦA T’ISFEL TA’ MALTA
1,329 mediċina ta’ tip differenti jiġu offruti b’xejn lil 63,000 persuna
15-il spiżerija oħra ngħaqdu mal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, biex issa t-total ta’ spiżeriji li qegħdin f’din l-iskema tela’ għal 129.
Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Joe Cassar waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-ispiżerija De Paula, ir-Raħal Ġdid. Din l-ispiżerija hija waħda mill-aħħar grupp ta’ spiżeriji li daħlu fl-iskema li issa infirxet fil-Fgura, Raħal Ġdid, il-Birgu, Bormla, l-Isla u l-Kalkara.
Il-Ministru fakkar li oriġinarjament kien hemm biss ħames spiżeriji li minnhom kienu jinqdew l-eluf ta’ persuni li kienu intitolati għall-mediċini b’xejn. Bl-iskop li l-pubbliku jinqeda aħjar inħolqot l-iskema tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek li għenet sabiex in-numru dejjem jikber ta’ persuni li huma intitolati għall-mediċini b’xejn jinqdew aħjar u minn spiżerija eqreb tagħhom.
Il-Ministru qal li llum ftit aktar minn 63,000 persuna qed jiġbru il-mediċini b’xejn. Il-Ministru Cassar qal ukoll li kompla jikber in-numru ta’ mediċini li qiegħed joffri l-Gvern, li issa saru 1,329 mediċina.
Joe Cassar qal li dan kollu huwa possibbli biss minħabba li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ u jtejjeb is-servizzi tas-saħħa. Fil-fatt anke fil-Budget li ġie ppreżentat, il-Gvern wera dan bil-fatti permezz ta’ żieda ta 37.6 miljun Ewro fil-vot allokat għall-Ministeru tas-Saħħa. Dan ifisser li s-sena d-dieħla l-Gvern se jkompli jinvesti b’total ta 415.9 miljun Ewro fis-saħħa.
Filwaqt li saħaq li l-Gvern jinvesti aktar minn miljun Ewro kuljum fis-servizzi tas-saħħa, il-Ministru appella biex ilkoll napprezzaw dan l-investiment u fuq kollox nibżgħu għalih. Hu qal li l-investiment fis-saħħa se jkompli jsaħħaħ diversi miżuri, bħall:
- Aktar investiment fil-kura għall-kanċer
- investiment fi programmi ta’ screening
- tisħiħ tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek
- Immodernizzar taċ-ċentri tas-saħħa
- Żieda fin-numru ta’ operazzjonijiet
- Investiment fir-riforma tas-schedule 2 u 5, li se tirriżulta f’aktar għajnuna lil aktar persuni permezz ta’ aktar mediċina b’xejn
Is-sitwazzjoni fis-settur tas-saħħa f’Malta tistona ħafna ma’ dak li qiegħed iseħħ madwarna bħalissa hekk kif filwaqt li l-Gvern Malti żied l-allokazzjoni finanzjarja, diversi Gvernijiet oħra qegħdin jikkunsidraw tnaqqis jew ħlas għal servizzi simili.
Stqarrijiet Oħra:
PR262012
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...
PR262011