JINŻAMMU S-SEMINAR ANNWALI U ĊERIMONJA TAL-PREMJIJIET TA’ EKOSKOLA F’GĦAWDEX
Żewġ skejjel primarji fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex ingħataw il-Bandiera l-Ħadra waqt iċ-ċerimonja tal-premjijiet li kienet parti mis-seminar annwali ta’ EkoSkola f’Għawdex li nżamm fl-Iskola primarja ta’ Għajnsielem.
Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono ppreżentat it-tieni Bandiera Ħadra lill-Iskola Primarja tax-Xewkija kif ukoll ċertifikat għall-parteċipazzjoni tagħha b’suċċess fl-HSBC Eco-Schools Climate Initiative Community Project. Barra minn hekk l-Iskola Primarja ta’ Għajnsielem ġiet onorata bil-Bandiera l-Ħadra għall-ewwel darba filwaqt li l-Iskola Sekondarja tal-Bniet ingħatat is-Silver Award.
Filwaqt li awgurat lil dawn l-iskejjel għall-unuri li rċevew, il-Ministru għal Għawdex esprimiet sodisfazzjon għal fatt li l-istudenti Għawdxin huma parteċipi fil-programm EkoSkola flimkien ma’ 8 miljun tifel u tifla minn madwar id-dinja kollha. Hija qalet li t-twettieq ta’ prattiċi ambjentali tajbin u inizjattivi oħra li jieħdu l-iskejjel Għawdxin jaqblu mal-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex fir-rigward tal-viżjoni eko-Għawdex. Hija rreferiet ukoll għall-iskema ta’ eko-Għawdex għall-iskejjel li ser titnieda fil-ġimgħat li ġejjin u li permezz tagħha kull skola f’Għawdex ser tkun tista’ tibbenefika minn massimu ta’ €3,000 sabiex twettaq proġetti għall-benefiċċju tal-istudenti fl-iskejjel rispettivi.
Dan is-seminar kien indirizzat ukoll mis-Sur Vincent Attard, il-Koordinatur tal-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni Ambjentali f’Malta (FEE Malta), mill-Koordinatur Nazzjonali l-Prof. Paul Pace, minn Maria Mallia, Rappreżentatriċi tal-WasteServ li għamlet preżentazzjoni dwar il-ktejjeb ta’ gwida għal Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart, kif ukoll minn Claire Zammit. Il-programm kien jinkludi l-kant tal-Innu tal-EkoSkola flimkien ma’ kant ieħor mill-kor tal-Iskola Primarja ta’ Għajnsielem u studenti tar-raba’ u l-ħames klassi tal-istess skola. Kienu preżenti wkoll is-Sur Anthony Zammit, Direttur Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali u l-għalliema ta’ eko-Għawdex, Silvana Sultana.
Stqarrijiet Oħra:
PR262012
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...
PR262011