Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA, WAQT IS-SEMINAR THE PRICE OF MOTHERHOOD, ORGANIZZAT MILL-NSO U Ċ-ĊENTRU GĦALL-ISTUDJI DWAR IX-XOGĦOL – SAN ĠILJAN – I

pr2273
Date Icon 24/11/2011

Sinjuri,

Inħossni onorat li ninsab fostkom hawnhekk illum biex nipparteċipa f’diskussjoni dwar tema ta’ relevanza, u ta’ importanza soċjali, ekonomika u kulturali. Is-suġġett li qed niddiskutu llum – The Price of Motherhood – hu topiku għall-aħħar fis-soċjetà li qed ngħixu.  Propju għalhekk nixtieq nifraħ lill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika u liċ-Ċentru għall-Istudji dwar ix-Xogħol fl-Università ta’ Malta li laqqgħuna hawnhekk.

Jien trabbejt f’familja kbira.  Kont, (u għadni), l-ikbar fost 13-il aħwa.  Il-ġenituri tiegħi, it-tnejn li huma ħadmu kemm felħu biex irabbuna bl-aħjar mod.  Ommi qatt ma rċeviet salarju għax-xogħol tagħha.  Qatt ma ffirmat jew ippanċjat biex tidħol għax-xogħol.  Iżda kienet omm impenjata f’xogħlha, daqs kemm missieri kien missier impenjat fuq xogħlu.

Iż-żminijiet inbidlu.  Familji żgħar b’daqstant ulied m’għadhomx in-norma.  Saru rari.  Anki l-mudell tradizzjonali tal-familja, bir-raġel li jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum, u bil-mara li tieħu ħsieb id-dar, inbidel.  Il-koppji saru jaħdmu t-tnejn ’il bogħod mid-dar.  U bil-mod il-mod qed jitgħallmu jsibu l-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol; bejn id-dar u l-karriera.

L-omm għandha l-aktar xogħol importanti f’kull soċjetà.  U x-xogħol tagħha għandu jingħata valur bħala tali.  Ebda individwu m’għandu daqstant effett fuq it-trobbija tal-ulied daqs l-omm.  Għandha rwol essenzjali biex dawn l-istess ulied, li jirrappreżentaw ir-riżorsi umani, l-assi tas-soċjetà, għada pitgħada jitilgħu ċittadini responsabbli.  Għalhekk nemmen li s-soċjetà għandha tkun rikonoxxenti lejn l-ommijiet li jrabbu lil uliedhom.  Għaliex għada pitgħada mix-xogħol tagħhom se tgawdi s-soċjetà kollha.

L-ebda mara m’għandha tkun penalizzata għax issir omm.

Fid-dinja tal-lum nemmen li l-omm m’għandhiex tkun imġiegħla tagħżel bejn il-familja u l-karriera kif kien jiġri sa erbgħin sena ilu. Nemmen li mara għandha tingħata l-opportunitajiet kollha biex tiżviluppa l-ħiliet tagħha.  Għandha tkun imħeġġa tipparteċipa fil-ħolqien tal-ġid fil-pajjiż, u li tibqa’ tagħmel dan anki meta ssir omm.  Omm m’għandhiex tkun sfurzata tagħmel għażla li ma tridx.
Is-sehem tal-mara fid-dinja tax-xogħol hu ta’ importanza liema bħalha. Daqstant ieħor hu importanti li jkollna familji b’saħħithom, imsejsa fuq l-imħabba, il-komunikazzjoni, u l-ħin għal xulxin; familji li fihom l-ulied jingħataw l-attenzjoni mistħoqqa; u familji b’membri li jgawdu kwalità tal-ħajja aħjar flimkien.

Filwaqt li nirrikonoxxi l-fatt li tul is-snin għamilna qabżiet ’il quddiem, b’xorti ħażina l-piż tal-familja u tad-dar għadu jinġarr l-aktar mill-mara.  Is-sitwazzjoni ideali tkun li kieku b’mod ġenerali, ir-raġel u l-mara jipparteċipaw indaqs fit-trobbija tal-ulied u fid-dinja tax-xogħol.  Jew għallinqas, li jkollna numru ferm akbar ta’ koppji li jieħdu deċiżjonijiet konxji, mhux iddettati min-norma, dwar min minnhom se jkollu l-akbar sehem fit-trobbija tat-tfal.

Jien u marti għandna tlitt itfal. U t-tnejn li aħna naħdmu. Meta l-familja tagħna kibret, irduppjat f’daqqa, kellna naraw kif nagħmlu biex norganizzaw ħajjitna sabiex ikollna l-ħin inrabbu lil uliedna bl-aħjar mod possibbli.  Fl-istess ħin ma kienx jagħmel sens li marti tieqaf mill-karriera wara tant snin ta’ studju.

Lanqas għall-istat u għall-pajjiż ma jaqbel li jinvesti tant flus fl-edukazzjoni ta’ uliedna, biex imbagħad aktar min-nofshom jispiċċaw jieqfu mix-xogħol ladarba jsiru ġenituri.  Irridu niftakru li f’dawn l-aħħar 20 sena u fuqhom, l-istudenti fl-Università ta’ Malta żdiedu minn 800 għal aktar minn 11,000.  60 fil-mija tal-istudenti li qed isegwu kors fil-livell terzjarju huma nisa. Jagħmel sens li ninvestu tant flus fi stipendji, tagħmir, taħriġ u l-bqija, biex imbagħad dawn ma jattwawx dak li jkunu studjaw?

Lanqas ekonomikament ma jagħmel sens li mara tieqaf taħdem. Illum, is-soċjetà tirrikonoxxi l-ħtiġijiet ta’ omm b’karriera.  L-ekonomisti jgħidulna li rridu aktar nisa jagħtu sehemhom fil-ħolqien tal-ġid nazzjonali.  Fi kliem ieħor, irridu aktar nisa jaħdmu. Sabiex nilħqu dan l-għan, investejna f’numru ta’ inizjattivi, magħrufa komunement bħala family-friendly measures, maħsuba biex jagħmluha aktar faċli għall-ġenituri li jaħdmu t-tnejn sabiex isibu bilanċ bejn il-familja u l-karriera.

F’Malta, il-Gvern ma jippriedkax biss. Iżda jrid jagħti l-eżempju. Fis-Servizz Pubbliku introduċejna arranġamenti flessibbli msejsa fuq il-kunċett tal-awtonomija tal-ħaddiema.  Dawn jinkludu l-flexi-time, il-ħinijiet imnaqqsa, it-teleworking, il-leave tal-ġenituri, il-leave tar-responsabbiltà, il-leave għall-ġenituri li jaddottaw jew jieħdu tfal b’fostering u l-bqija.

Is-Servizz Pubbliku joffri arranġamenti mill-aktar flessibbli fl-użu tal-parental leave u tas-sigħat imnaqqsa.  Hekk pereżempju ġenitur jista’ jieħu sena leave bla paga iżda jaqsamha fuq perjodi ta’ tliet xhur;  jista’ jieħu erba’ snin leave bla paga; u jista’ jaħdem fuq sigħat imnaqqsa sakemm it-tifel jew it-tifla tiegħu tagħlaq tnax-il sena.

Minn din is-sena introduċejna l-faċilitajiet ta’ breastfeeding fejn omm tkun tista’ tieqaf għal ftit ħin mix-xogħol biex tkun mat-tarbija tagħha.  Barra minn hekk nisa tqal għandhom il-possibilità li jieħdu time-off biex jattendu għall-viżti mediċi mingħajr ma titnaqqsilhom il-paga jew mingħajr ma jkollhom japplikaw għal-leave.

Bejn l-2005 u l-2010, in-numru ta’ ħaddiema taċ-Ċivil li gawdew minn waħda minn dawn il-family friendly measures irduppjaw biex telgħu għal madwar 3,200.  Tmienja minn kull għaxra minn dawn kienu nisa.  Matul l-2010, madwar 4,700 ħaddiem fis-Settur Pubbliku kollu, inkluż fl-entitajiet parastatali, ibbenefikaw minn waħda mill-family friendly measures. Dan ifisser li wieħed minn kull għaxar ħaddiema tas-Settur Pubbliku gawdew mill-family friendly measures.
Ċifri oħra juru kif 95 fil-mija ta’ dawk li s-sena li għaddiet ħadmu fuq sigħat imnaqqsa kienu nisa.  9 minn kull għaxra ta’ dawk li ħadmu bit-telework jew ħadu career break, kienu nisa. 

Il-fatt jibqa’ li l-ħaddiema fis-Settur Pubbliku huma persentaġġ żgħir tal-bqija tal-ħaddiema fil-pajjiż.  Hu għalhekk li l-Gvern qed iħeġġeġ lis-Settur Privat biex jinvesti aktar f’family friendly measures. 

Ma jagħmilx sens għal kumpanija privata li tinvesti tant ħin u flus fit-taħriġ ta’ mara - u jista’ jkun ukoll ta’ raġel ukoll għala le! – biex imbagħad dawn meta jsiru ġenituri jispiċċaw ikollhom ifittxu xogħol ieħor sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-familja wkoll.  L-introduzzjoni u t-tisħiħ tal-family friendly measures fis-settur privat igawdi minnhom il-post tax-xogħol ukoll, għaliex l-esperjenza miksuba mill-ħaddiema tiegħu, iżommha għalih u mhux jitlaqha f’ħoġor il-kompetitur tiegħu.

U hawnhekk niġi għall-argument dwar il-leave tal-maternità.  Fix-xhur li għaddew, meta fil-fora Ewropej iddiskutejna l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex il-leave tal-maternità jiżdied fl-istati membri kollha, il-pożizzjoni tagħna kienet ċara.  Aħna favur li l-leave tal-maternità jiżdied sakemm dan jitħaddem kullimkien, f’kull stat membru, bl-istess mod.  Fin-nuqqas ta’ dan, sħaqna fuq li sħaqna li l-implimentazzoni tal-leave tal-maternità, għandha titħalla f’idejn l-istati membri. 

Irrid infakkar li f’pajjiżna l-leave tal-maternità, seba’ snin ilu, żdied għal 14-il ġimgħa u baqa’ jitħallas b’mod sħiħ.  In-nisa bil-maternity leave jieħdu l-paga sħiħa. F’ċertu pajjiżi, għandhom leave tal-maternità itwal iżda n-nisa li jgawdu minnu, ma jieħdux il-paga sħiħa.

Fil-Budget għas-sena d-dieħla, l-argument li l-Gvern Malti għamel fil-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea, poġġieh fil-prattika.  Fis-sentejn li ġejjin se nżidu l-leave tal-maternità għal 18-il ġimgħa. Il-ġimgħat li qed jiżdiedu se jitħallsu mill-Gvern, mhux mill-employers, b’rata fissa ta’ 160 Ewro fil-ġimgħa.  B’hekk il-piż mhux se jintrefa’ mill-employers.  Fl-istess ħin l-ommijiet se jgawdu minn leave tal-maternità itwal.

U la semmejt il-Budget 2012 ma nistax ma nirriflettix ftit fuq inizjattivi oħra mħabbra ftit aktar minn ġimgħa ilu mill-Ministru tal-Finanzi.  Inizjattivi li wasslu biex numru ta’ opinjonisti u gazzetti laqqmu dan il-Budget bħala ‘Il-Budget tal-Familja’. 

L-inizjattivi mħabbra huma intiżi biex jippremjaw il-bżulija u jħajru aktar nisa jkomplu jew jerġgħu joħorġu jaħdmu wara li jkollhom it-tfal.  Dan hu l-ħsieb wara r-riforma fis-sistema tal-income tax, bil-ħolqien ta’ faxxa jew kategorija ġdida msejħa ‘komputazzjoni ġenitur’. Jekk int ġenitur li għadek trabbi u li qed tikkontribwixxi għall-ekonomija billi taħdem, se tħallas anqas income tax. Koppja se tiffranka bejn €150 u €840 fis-sena.

Dan mhux l-uniku inċentiv fiskali li l-Gvern ta lill-ommijiet.  F’dawn l-aħħar snin, aktar minn 8,600 mara daħlu lura fid-dinja tax-xogħol wara li kellhom it-tfal, u gawdew minn tax holiday. Bejniethom iffrankaw madwar €10 miljun fi ħlas ta’ income tax. 

Il-Gvern se jkompli joffri dan l-inċentiv, bħalma se jkompli jinvesti f’child care centres.  Fl-aħħar snin ftaħna 13-il ċentru għat-tfal.  Fil-Budget għas-sena d-dieħla n-nefqa se tiżdied għal €1.3 miljun sabiex jinfetħu tliet child care centres ġodda. U l-Gvern se jibqa’ jinċentiva lill-ġenituri, bi tnaqqis fit-taxxa, biex jagħmlu użu minn dawn iċ-ċentri.

Sinjuri, ma rridux ninsew li din is-sena erġajna żidna r-rata minima taċ-children’s allowance b’€100 għal kull wild fis-sena.

L-inizjattivi li ħadna, li dawn li semmejt huma ftit biss minnhom, żiedu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.  F’għaxar snin, in-nisa li jaħdmu żdiedu minn 32 fil-mija għal 40 fil-mija.

Bejn Ġunju tas-sena li għaddiet u Ġunju li għadda, il-full-time gainfully occupied f’pajjiżna żdiedu b’aktar minn 3,000.  Għal kull raġel li beda jaħdem din is-sena, ħames nisa daħlu fis-suq tax-xogħol.  Naħseb li dan hu effett dirett tat-tax holiday għall-ommijiet li jirritornaw fid-dinja tax-xogħol.

Kuntenti?  Nistqarr li le. Irridu aktar nisa jaħdmu għax hu tajjeb għalihom. U hu tajjeb għas-soċjetà li qed ngħixu fiha u għall-ekonomija tagħna.  Għalhekk il-Gvern qed jimpenja ruħu biex kif għamel fis-snin li għaddew, ikompli jinċentiva lin-nisa (lill-ommijiet) biex ma jkollhomx għalfejn jagħmlu għażla sfurzata bejn il-karriera u l-familja. 

Dawn iż-żewġ drittijiet ta’ kull mara, daqs kemm huma ta’ kull raġel, imorru id f’id.

Mill-ġdid nirringrazzja liċ-Ċentru għall-Istudji dwar ix-Xogħol fl-Università ta’ Malta u lill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika għall-organizzazzjoni ta’ din il-Konferenza.

Nawguralkom ħidma mill-aqwa.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

More Press Releases Right arrow