BIEX L-ILMA JIBQA’ RIŻORSA SOSTENIBBLI
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino, flimkien mal-Assistent Parlamentari Philip Mifsud żaru għalqa fejn kien għaddej il-proċess ta’ installazzjoni ta’ meter mal-borehole għal użu agrikolu.
Il-Ministru Pullicino spjega li mil-lum beda l-proċess ta’ installazjoni ta’ 3,500 meter ma’ sorsi tal-ilma ta’ taħt l-art, li jintużaw għal skop agrikolu. Wara l-installazzjoni tal-meters irid isir perjodu ta’ moniteraġġ tal-kwantità tal-ilma li jintuża fis-setturi kollha biex tinġabar stampa reali ta’ x’jiġi estratt mill-ilma tal-pjan.
Dan se jservi biex fil-każ ta’ sorsi li jintużaw għall-agrikultura jinħadmu kwoti biex il-bdiewa u r-raħħala tinħadmilhom allokazzjoni ta’ ilma bl-iskop li huma jkollhom aċċess għall-ilma li għandhom bżonn mingħajr ħlas. Il-Gvern fil-ħidma tiegħu biex l-ilma jibqa’ riżorsa sostenibbli jrid li l-bidwi jibqa’ jiġi mħares billi jkollu garanzija sostenibbli ta’ ilma filwaqt li ma jkunx hemm impatt negattiv fuq l-agrikoltura.
L-Aġenzija tal-Pagamenti wettqet proċess fl-aħħar xhur fejn stiednet lill-bdiewa u r-raħħala li kellhom is-sors tal-ilma tagħhom irreġistrat mal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi biex japplikaw ħalli jingħatalhom meter b’xejn li qed jiġi ffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropa taħt il-programm tal-Iżvilupp Rurali. Dan qed isir b’investiment ta’ €2 miljun biex ma jkunx hemm impatt negattiv fuq l-agrikoltura. Il-Gvern qed jgħin ukoll billi raħħas bin-nofs il-kirja li l-bidwi u r-raħħal irid iħallas fuq il-meters tad-dawl u tal-ilma. Għalhekk f’sena l-bidwi u r-raħħal se jibdew iħallsu €250 għaż-żewġ kirjiet li effettivamnet jiġi li qed iħallasu anqas minn dak li jħallsu illum għal kirja annwali tad-dawl biss.
Il-Ministru Pullicino fakkar li l-Gvern qed iwettaq azzjoni konkreta favur il-konservazzjoni tal-ilma. Sar proċess ta’ reġistrazzjoni tal-boreholes u l-ispejjer li wera li f’pajjiżna hawn mat-8,000 sors tal-ilma, daħal fis-seħħ moratorju fuq it-tħaffir ta’ aktar boreholes, daħal fis-seħħ proċess ta’ lliċenzjar għall-operaturi privati fis-settur tal-ilma, u permezz ta’ avviż legali maħruġ fl-2010 sar obbligu li kull borehole u spiera jkollha meter installat magħha għal skop ta’ moniteraġġ.
Other Press Releases:
PR262012
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...
PR262011