TERZ TA’ MILJUN EWRO GĦAL PROĠETT TA’ TISBIĦ FIĊ-ĊENTRU STORIKU TAL-MELLIEĦA
F’erba’ snin il-Gvern għadda €159 miljun lill-Kunsilli Lokali
Fil-ġimgħat li ġejjin il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa se jibda jimplimenta proġett ta’ tisbiħ f’Misraħ iż-Żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu, iċ-ċentru storiku tal-Mellieħa, fejn hemm id-daħla għas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. Dan il-proġett se jsir bi sħab mas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali b’investiment ta’ madwar terz ta’ miljun ewro.
Id-dettalji ngħataw mis-Segretarju Parlamentari Chris Said u mis-Sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha varaw il-proġett.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li matul is-sena d-dieħla l-Kunsilli Lokali se jkollhom aktar flus biex iwettqu proġetti u jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom. Fil-Baġit 2012, l-allokazzjoni finanzjarji annwali żdiedet għal €32 miljun. Dan ifisser żieda ta’ 25 fil-mija fil-baġit tal-Kunsilli Lokali fuq perjodu ta’ erba’ snin.
Barra minn hekk il-Gvern ivvota fond ta’ miljun ewro oħra għal inizjattivi speċjali fil-lokalitajiet, €1.4 miljun għall-iskema tal-Public Private Partnership għat-toroq residenzjali, €1.64 miljuni għal servizzi lil Kunsilli Lokali, €1.5 miljun bħala vot kapitali, nofs miljun ewro għall-ko-finanzjament ta’ proġetti b’fondi tal-UE u €100,000 għat-taħriġ. Dan ifisser li f’erba’ snin il-Gvern se jkun għadda qrib €159 miljun għall-Kunsilli Lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Gvern għandu fiduċja fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali għaliex tul is-snin li għaddew, il-maġġoranza assoluta tagħhom ħadmu kemm felħu biex itejbu l-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti tagħhom. Dan għamluh billi użaw b’mod għaqli l-finanzjament mgħoddi lilhom mill-Gvern u l-fondi li ħafna minnhom akkwistaw mill-Unjoni Ewropea. Fost l-oħrajn użaw dawn il-flus biex tejbu s-servizzi, investew fi spazji pubbliċi, irrestawraw postijiet storiċi, organizzaw korsijiet edukattivi u attivitajiet sportivi li attendew għalihom eluf ta’ Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dan il-proġett ta’ tisbiħ ta’ Misraħ iż-Żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu għandu jkompli jżid il-valur tal-prodott turistiku fil-Mellieħa. Hu stmat li 18 fil-mija tat-turisti li jżuru Malta, joqogħdu f’waħda mil-lukandi tal-Mellieħa. Persentaġġ ferm ogħla jżuru din il-lokalita’ matul il-btala tagħhom f’Malta.
Is-Sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar qal li dan il-proġett ilu fil-pjani tal-Kunsill Lokali għal numru ta’ snin. Wara li nkisbu l-permessi kollha meħtieġa, ix-xogħlijiet se jibdew f’Jannar li ġej u mistennija jitlestew sa nofs is-sena. Ix-xogħlijiet jinkludi pavimentar flok il-wiċċ tat-triq eżistenti, il-bdil tar-railings u l-bankijiet, kif ukoll se tkun installata struttura artistika bl-ilma.
Il-biċċa l-kbira mill-Misraħ se jsir zona pedonali. Madanakollu se jibqa’ miftuħ l-aċċess għall-garaxxijiet. Se jkun hemm ukoll postijiet riservati għall-persuni bi bżonnijiet speċjali kif ukoll spazji għall-vetturi tal-pulizija u ta’ ambulanza f’każ ta’ bżonn. Is-siġar, li tant jagħmlu inkonvenjent minħabba l-ħmieġ kawżat mill-għasafar u l-ħsarat kawżati mill-għeruq, se jinqalgħu biex jitqiegħdu f’post ieħor fil-Mellieħa. Minflokhom se jitqiegħdu siġar oħra li mhux se joħolqu l-istess problemi.
Din iz-zona tal-Mellieħa għandha valur storiku u ta’ qima ta’ kważi elfejn sena. Dan għaliex il-post hu marbut intrinsikament maż-żjara ta’ San Pawl f’Malta hekk kif affresk tal-Madonna u binha li jinsab fis-Santwarju hu attribwit għal San Luqa, li kien qed jakkumpanja lil San Pawl fil-vjaġġ tiegħu mil-Lvant lejn Ruma.
Other Press Releases:
PR262012
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...
PR262011