Left arrow Mur Lura

DISKORS TAL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAL-AŻMA – FLORIANA – IT-TLIETA, 03 TA’ MEJJU 2011

pr0848
Date Icon 03/05/2011

L-Għodwa t-tajba u grazzi tal-istedina.

L-ażma hija kundizzjoni mhux marda. Ħafna drabi, sfortunatament, kundizzjoni m’għandiex fejqan. Trid titgħallem tgħix biha. Għalkemm l-ażma ma tistax tiġi mfejqa, bil-kura tajba u billi tieħu ħsieb u tevita dawk l-affarijiet li jistgħu jagħtuk attakk, tista’ tikkontrolla l-ażma u tgħix ħajja tajba.

Kull bniedem huwa differenti u spiss, dak li jqabbad attakk tal-ażma lil persuna ma jfissirx li se jaffettwa lil ħaddiehor bl-istess mod. L-ażma hija relatata ma’ kundizzjonijiet ta’ allerġija, ekżema u hay fever u dan huwa żmien tas-sena fejn nisimgħu aktar b’dawn l-allerġiji.

Hemm bosta fatturi ambjentali li jikkawżaw l-iżvilupp tal-ażma. Il-fatt li pajjiżna huwa gżira żgħira esposta għar-riħ u t-trabijiet ma tantx hija aħbar tajba għal min ibati mill-ażma. L-ambjent tad-dar, id-dieta u l-istil ta’ ħajja li ngħixu wkoll huma aspetti oħra tal-ħajja moderna li jistgħu jkunu kawża ta’ din il-kundizzjoni jew jaffettwaw lil min ibagħti minnha.

Nafu wkoll li hemm rabta diretta bejn it-tipjip u l-ażma. Tipjip waqt it-tqala jżid iċ-ċans li t-tarbija jkollha l-ażma. Skond il-Life Style Report tal-Health Interview Survey li sar fl-2008, ir-rata tat-tipjip f’pajjiżna naqset minn 23% (fl-2002) għal 20% fl-2008. Dan huwa pass pożittiv ‘il quddiem iżda xorta fadlilna fejn naħdmu aktar. Dan nistgħu nagħmluh aktar permezz tal-edukazzjoni kif ukoll tar-riċerka, iżda nemmen ukoll li nistgħu nimxu aktar il-quddiem permezz ta’ dak li jissejjaħ “empowerment”.

Huwa fatt magħruf fid-dinja medika tal-lum li bosta kundizzjonijiet jiġu kkontrollati aħjar għaliex il-persuni li jbatu mill-kundizzjonijiet partikolari qed jieħdu f’idejhom ir-riedni tal-kundizzjoni. Dan jista’ jsir biss jekk ikun hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-ispeċjalisti, it-tobba, l-infermiera, il-fiżjoterapisti u l-professjonisti kollha sabiex kull min għandu kundizzjoni jkun infurmat tajjeb fuqha. Dan iwassal sabiex kull individwu jkun jista’ jieħu deċiżjonijiet li jtejbu l-istat ta’ saħħtu u l-kwalità ta’ ħajtu. Dan japplika għall-ażma, għad-dijabete u diversi kundizzjonijiet oħrajn.

L-4 ta’ Mejju hija l-ġurnata dinjija tal-ażma. Din is-sena l-attenzjoni hija fuq il-fatt li kull ażmatiku jista’ jikkontrolla din il-kundizzjoni – “You can control your asthma”.  Saru ħafna żviluppi fil-qasam tal-ażma permezz ta’ titjib fil-mediċini, studji kontinwi mit-tobba u professjonisti – sar ħafna iżda fadal xi jsir. Fl-Isptar Mater Dei, fil-futur qarib, se jibda jingħata servizz ta’ Pulmonary rehabilitation mid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija biex l-ażmatiċi jagħrfu kif jistgħu jgħixu ħajja normali bla restrizzjonijijet.

Nawgura li din l-inizjattiva tal-lum twassal mhux biss biex ikun hawn aktar għarfien fost dawk li għandhom il-kundizzjoni tal-ażma, iżda b’mod partikolari dawk li jgħixu magħhom sabiex jagħrfu l-importanza li jingħata aktar sapport.

B’mod partikolari nagħmel kuraġġ lil ġenituri u l-għalliema sabiex jinkoraġġixxu t-tfal li għandhom l-ażma sabiex jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba b’għażliet għaqlin tal-ikel u bil-preżenza kostanti u effettiva tal-eżerċizzju.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow