Left arrow Mur Lura

ĦAMES KUMPLESSI TAN-NAR GĦALL-FESTIVAL NAZZJONALI TAL-LOGĦOB TAN-NAR TAL-ART MEKKANIZZAT 2011

pr0843
Date Icon 02/05/2011

Ħames Kumplessi tan-Nar fost l-ewlenin f’pajjiżna se jkunu qed jieħdu sehem fil-ħames edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat li qed  jiġi organizzat mill-Kunsill Lokali Floriana u li se jsir nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju lejliet il-Festa ta’ San Publju. Dan il-festival li se jsir fuq il-Fosos tal-Floriana, qed ikun megħjun permezz tal-Iskema ta’ Inizjattivi ta’ Attivitajiet 2011 imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Il-Kmamar tan-Nar li se jipparteċipaw huma l-Kumpless tan-Nar San Ġużepp ta’ Ħaż Żebbuġ, il-Kumpless tan-Nar Sant’Andrija ta’ Ħal Luqa, il-Kumpless tan-Nar Santa Katarina taż-Żurrieq, il-Kumpless tan-Nar Mount Carmel taż-Żurrieq, u l-Kumpless tan-Nar Our Lady of Consolation tal-Gudja.

Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu u l-Ambjent Mario de Marco, is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said, mis-Sindku tal-Floriana Nigel Holland u mill-kordinatur tal-festival Noel Castillo.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal l-logħob tan-nar hu parti mill-kultura u wieħed mit-tradizzjonijiet ewlenin fil-gżejjer Maltin. Hu qal li l-Kunsill Lokali tal-Floriana qed jagħti eżempju lill-Kunsilli Lokali oħrajn għaliex mhux qed jippromwovi biss xi ħaġa li hi intrinsikament mal-lokalità tiegħu, iżda qed jimbotta ‘l quddiem tradizzjoni nazzjonali. Is-Segretarju Parlamentari Said saħaq fuq kif is-sbuħija tal-logħob tan-nar tattira eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jikkonkorru bi ħġarhom għal festivals bħal dan, iżda fl-istess ħin appella lil min jaħdem in-nar biex jieħu l-prekawzjonijiet kollha fl-interess tiegħu u ta’ sħabu.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said fakkar li taħt l-iskema Inizjattivi ta’ Attivitajiet 2011, il-Kunsilli Lokali qed jingħataw għajnuna biex bejniethom jorganizzaw total ta’ 56 attivita’ kulturali. Din tinvolvi kwart ta’ miljun ewro u din hi t-tielet sena konsekuttiva li l-Gvern nieda skema ta’ għajnuna finanzjarja biex tgħin lill-Kunsilli Lokali jieħdu inizjattivi u jorganizzaw attivitajiet li jippromwovu l-identità u l-wirt storiku u kulturali tal-komunitajiet rispettivi. L-attivitajiet li se jsiru jinkludu 42 f’Malta u 14 f’Għawdex. 51 attività huma organizzati bejn 46 Kunsill Lokali, filwaqt li ħames attivitajiet huma organizzati minn erba’ Kumitati Amministrattivi.

Is-Segretarju Parlamentari, Mario de Marco qal li l-Festival tal-Logħob tan-Nar Mekkanizzat sar attività annwali fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li dan il-festival huwa organizzat fil-bidu tal-istaġun tal-festi Maltin u għalhekk joffri spettaklu lil dawk it-turisti li jkunu f’pajjiżna f’dan iż-żmien tas-sena. Joffri wkoll spettaklu lilna l-Maltin li jkollna l-opportunità naraw f’avveniment wieħed ix-xogħol ta’ numru ta’ kmamar tan-nar.

Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal l-iskema Inizjattivi ta’ Attivitajiet 2011 nħolqot biex tħeġġeġ lill-ibliet u rħula Maltin u Għawdxin jorganizzaw attivitajiet kulturali u b’hekk jippromwovu t-tradizzjonijiet Maltin fil-lokalitajiet tagħna. Hu faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Floriana li mhux talli qed tippromwovi l-logħob tan-nar bħala parti prominenti tal-festi, iżda qed tinvolvi x-xogħol ta’ numru ta’ lokalitajiet. Hu qal li l-koperazzjoni tal-lokalitajiet fl-organzzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali hija pożittiva u tgħin biex tissaħħaħ l-ekonomija tal-ibliet u l-irħula tagħna.

Dakinhar tas-Sibt 7 ta’ Mejju, il-programm tal-festival jibda fl-10.30pm wara programm mużikali mill-Banda Vilhena tal-Floriana. Kull kamra tan-nar se jkollha ċ-ċans tippreżenta tliet biċċiet xogħol li se jkunu ġġudikati fuq il-mekkaniżmu wżat, fuq it-tħaddim tal-mekkaniżmu, u fuq l-oriġinalità. Il-ġurija se tkun magħmula minn esperti internazzjonali tal-logħob tan-nar bl-għajnuna tal-espert lokali Michael Brockdorff.

Il-pubbliku wkoll se jkollu ċ-ċans jivvota billi jibgħat SMS fuq in-numri abbinati ma’ kull kamra tan-nar. Dik il-kamra tan-nar li tikseb l-akbar numru ta’ voti bl-SMS se tingħata l-Premju tal-Opinjoni Pubblika.

Il-Festival jintemm bi preżentazzjoni spettakolari tat-tapit li se jsir mill-Kamra tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba – ir-rebbieħa tas-sena li għaddiet.

In-numri abbinati mal-kmamar tan-nar huma dawn li ġejjin: il-Kumpless tan-Nar San Ġużepp ta’ Ħaż Żebbuġ (5061 5201); il-Kumpless tan-Nar Sant’Andrija ta’ Ħal Luqa (5061 5202); il-Kumpless tan-Nar Santa Katarina taż-Żurrieq (5061 5203); il-Kumpless tan-Nar Mount Carmel taż-Żurrieq (5061 5204); u l-Kumpless tan-Nar Our Lady of Consolation tal-Gudja (5061 5205).

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow