BOSTA MALTIN JATTENDU ATTIVITÀ TAL-ĠIMGĦA MQADDSA F’GĦAWDEX
Bosta Maltin laqgħu l-istedina li saret mill-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u attendew għall-ewwel minn żewġ attivitajiet li ġew organizzati partikolarment biex gruppi ta’ Maltin iżuru l-gżira ta’ Għawdex matul il-ġimgħa li twassal għal festa tal-Għid il-Kbir. Għal dan il-għan ġew maħsuba rotot li matulhom isiru żjajjar f’diversi postijiet fejn bħalissa jiġu mwaqqfa wirjiet sagri kif ukoll knejjes fejn hemm esposti settijiet ta’ statwi li jintużaw f’purċissjonijiet matul dan iż-żmien tas-sena.
Aktar minn 100 persuna qasmu l-fliegu u ngħaqdu ma’ numru ta’ residenti Għawdxin fl-ewwel attività li ġiet organizzata t-Tnejn filgħaxija li matulha saru żjajjar f’wirjiet u knejjes f’Għajnsielem, in-Nadur u r-Rabat. Din l-attività ntemmet b’attrazzjoni partikolari li kienet serata ta’ drawwiet tradizzjonali antiki relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa. Din bdiet permezz ta’ rikostruzzjoni taċ-ċerimonja li kienet issir l-Erbgħa tat-Tniebri ġewwa l-Kappella ta’ San Ġużepp fiċ-Ċittadella. Wara ħarġet purċissjoni li għaddiet mis-sqaqien dojoq taċ-Ċittadella li kienu illuminati minn fjakkoli u li fiha ħadu sehem nisa lebsin għonnelel u faldetti suwed, tfal lebsin żimarri li ġarrew slaleb żgħar u xemgħat kif ukoll irġiel iġorru ktajjen penitenzjali. Din li bdiet bħala sinjal ta’ penitenza minn Għawdxin li rnexxielhom jeħilsu mill-iskjavitù hija drawwa li nżammet maż-żmien u għadha tagħmel parti mill-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira li jinżammu f’Għawdex.
L-attività ntemmet ġewwa ċ-Ċentru tal-Kultura u l-Arti fiċ-Ċittadella fejn il-folklorista magħruf Għawdxi, Anton F. Attard, tkellem dwar drawwiet u tradizzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira f’Għawdex. Dan kien jinkludi tagħrif dwar riti u prattiċi reliġjużi flimkien ma’ oħrajn popolari fosthom ikel u ħelu tradizzjonali. Dawk preżenti setgħu jduqu tipi ta’ ikel bħal ma huma qassatat u torot tal-ful kif ukoll il-qagħqa tal-appostli u l-figolla. Ġie servut ukoll kafè bit-taċċi tal-qronfol li hu wkoll speċjalità tradizzjonali.
Sadanittant numru ieħor ta’ Maltin u Għawdxin kisbu biljetti biex jipparteċipaw fit-tieni attività li ser tinżamm nhar il-Ġimgħa l-Kbira filgħodu. Il-wirjiet u Knejjes magħżula f’din it-tieni rotta jinsabu fin-Nadur, ix-Xagħra, ix-Xewkija, iż-Żebbuġ, San Lawrenz u ġewwa l-belt Victoria.
L-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jorganizza wirjiet u attivitajiet kulturali matul is-sena kollha bil-għan li jżomm ħajjin u jesponi drawwiet tradizzjonali tal-gżira.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en