DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA WAQT IL-KONFERENZA ‘L-AWTORITAJIET REGOLATORJI U R-RWOL TAGĦHOM BIEX IĦARSU L-KONSUMATUR’ ORGANIZZATA MILL-KUNSILL GĦA
DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA WAQT IL-KONFERENZA ‘L-AWTORITAJIET REGOLATORJI U R-RWOL TAGĦHOM BIEX IĦARSU L-KONSUMATUR’ ORGANIZZATA MILL-KUNSILL GĦALL-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR, QAWRA – IT-TLIETA 19 TA’ APRIL 2011
Sinjuri.
Qabelxejn nixtieq nirringrazzja lill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur li ħareġ bl-idea li jorganizza konferenza b’din it-tema – ‘l-Awtoritajiet Regolatorji u r-Rwol Tagħhom biex Iħarsu l-Konsumatur’.
Diskussjoni dwar dan is-suġġett hi pertinenti ħafna għall-konsumatur. Fuq naħa waħda hemm id-Dipartiment tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni li jara u jqis kull ilment minn konsumaturi fi kwalunkwe qasam, fis-setturi kollha. Min-naħa l-oħra hemm ir-Regolaturi li huma responsabbli għal settur wieħed partikolari.
Għaldaqstant insibu sitwazzjonijiet fejn konsumaturi u anki sidien ta’ negozji u intrapriżi, li jitfixklu għand min iridu jmorru bl-ilment jew bid-diffikultajiet tagħhom. Per eżempju, fuq materja ta’ telekomunikazzjoni, jekk konsumatur ikollu problema mas-service provider, għand min għandu jmur? Għand l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni jew għand id-Dipartiment tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni? Fil-qasam tal-enerġija, għand min għandu jmur? Għand l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi jew għand id-Dipartiment tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni?
Dawn il-mistoqsijiet se nippruvaw nindirizzawhom illum bl-idea li nagħtu linja gwida lill-konsumaturi, sidien ta’ negozji u intrapriżi, u idea aktar ċara tal-kompetenzi tal-Awtoritajiet differenti u kif dawn jinteraġixxu flimkien biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom aħjar.
Din id-diskussjoni qed issir ukoll fi żmien propizju għaliex il-pubblikazzjoni tal-liġi li twaqqaf l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur hi imminenti.
Nistqarr li ninsab sodisfatt għall-aħħar bil-mod kif żvolġa d-dibattitu dwar il-liġi l-ġdida li se twaqqaf din l-Awtorità. Waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni u fil-Parlament b’mod partikolari kien hemm numru kbir ta’ sottomissjonijiet - suġġerimenti kostruttivi miż-żewġ naħat tal-kamra. Nista’ ngħid li wiżinna tajjeb is-suġġerimenti kollha u fejn ħassejna li kien hemm bżonn, emendajna l-abbozz oriġinali biex dan jirrifletti aħjar ir-rieda tal-Kamra tar-Rappreżentanti u l-ideat tal-istakeholders.
Anki l-mezzi tax-xandir u l-gazzetti f’pajjiżna taw l-ispazju kollu li t-twaqqif tal-Awtorità jimmeritah. Mhux biss billi ttrattaw il-liġi u stampaw artikli b’opinjonijiet ta’ diversi kummentaturi u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; iżda wkoll kitbu artikli biex jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet regolatorji dwar kif fl-opinjoni tagħhom, id-drittijiet tal-konsumatur jistgħu jitħarsu aħjar.
Jekk verament f’ċertu każi dawn ma jkunux qed jitħarsu, jista’ jkun dibattibbli. Hu propju għalhekk li jeżistu l-awtoritajiet regolatorji – biex jieħdu pożizzjoni u biex jassiguraw il-ħarsien tal-konsumatur u tad-drittijiet tiegħu fl-oqsma partikolari li huma responsabbli minnhom. Hekk ġara per eżempju lejliet il-Milied li għadda meta d-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni ta d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-kwistjoni li qamet dwar id-distribuzzjoni tal-gass. Numru ta’ laqgħat bejn uffiċjali mill-Uffiċċju għall-Kummerċ Ġust u mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi wasslu biex tittieħed deċiżjoni f’tebqa t’għajn.
L-istess ġara meta qamet kwistjoni dwar it-tneħħija ta’ xi stazzjonijiet minn fuq il-platforms ewlenin tat-televiżjoni f’pajjiżna. Id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni ħadem mill-qrib mal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni. Il-kwistjoni f’dan il-każ kienet, u hi, ferm aktar komplessa. L-investigazzjonjiet ilhom għaddejjin u qed nittama li id-Dipartiment ikun f’sitwazzjoni li jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu f’qasir żmien.
Bla dubju li kollaborazzjoni bejn awtoritajiet regolatorji differenti diġa teżisti. Iżda mhux se noqgħod indur mal-lewża. Bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u mill-Kompetizzjoni, qed neżiġi li għandu jkun hemm aktar kollaborazzjoni bl-għan aħħari jkun dak li nsaħħu l-ħarsien tal-konsumatur f’pajjiżna.
Irrid ngħid li l-Kunsill tal-Affarijiet tal-Konsumatur ser ikollu funzjoni ġdida u importanti ferm malli tidħol fis-seħħ il-liġi l-ġdida u cioe`:
“li jaġixxi bħala forum fejn ilaqqa’ flimkien lil dawk l-awtoritajiet pubbliċi li fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom jittrattaw sitwazzjonijiet ta’ kunflitt bejn l-interessi tal-kummerċjanti u dawk tal-konsumaturi jew li jkunu responsabbli biex iħarsu l-interessi tal-konsumaturi, bil-għan li jistabilixxi relazzjoni ta’ koperazzjoni iżjed mill-qrib fost dawk l-awtoritajiet pubbliċi biex igibu ’l quddiem il-benesseri tal-konsumaturi”
Din daħħalniha bhala emenda fi stadju ta’ Kumitat ghax irrealizzajna kemm hi importanti li jkun hemm korp li jġib flimkien ir-regolaturi kollha li għandhom taħt il-liġijiet li jirregolawhom l-obbligu li jipproteġu l-interess tal-konsumatur. Fi ħdan il-kunsill, l-Awtoritajiet kollha koncernati ser ikollhom iċ-ċans li jressqu id-diffikultajiet tagħhom u l-problemi li normalment jiltaqgħu maghhom il-konsumaturi. Fi ħdan il-Kunsill għalhekk ser jiġi faċilitat id-djalogu bejn l-Awtoritajiet u bis-saħħa ta’ dan id-djalogu jkun jista’ jinstab l-ahjar mezz ta’ kif l-ahjar jistgħu jiġu indirizzati dawk id-diffikultajiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi.
Barra minnhekk klawsola 27 tal-liġi li tistabbilixxi l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur tindirizza propju sitwazzjonijiet meta jkun meħtieġ aktar kollaborazzjoni bejn entitajiet regolatorji f’oqsma differenti.
Fil-fatt il-liġi issa tagħti l-fakultà lill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – żewġ entitajiet ewlenin fi ħdan l-Awtorità l-ġdida – li jikkonsultaw mal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-applikazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti. Dan jistgħu jagħmluh kif u meta jħossu li hu neċessarju.
Il-liġi tistabbilixxi favur l-iskambju tal-informazzjoni kollha meħtieġa. L-informazzjoni għandha tingħata fi żmien raġjonevoli – perjodu ta’ żmien li jkun iddettat miċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ li jkun qed jiġi ttrattat. M’għandniex xi ngħidu, f’każijiet bħal dawn, il-liġi teżiġi li għandha tkun rispettata l-kunfidenzjalità.
Iżda l-aktar importanti f’dan kollu, fl-opinjoni tiegħi, hi li issa permezz ta’ din il-liġi se jkun aktar possibbli minn qatt qabel li jkun hemm skambji ta’ informazzjoni u ideat, u kollaborazzjoni aktar sħiħa bejn l-entitajiet regolatorji.
Dan ma jfisser xejn ħlief garanzija ta’ aktar protezzjoni u protezzjoni aħjar tal-konsumatur.
Qabel nikkonkludi xtaqt nagħmel punt ieħor. Bl-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur bdejna resqin lejn l-idea ta’ one-stop shop. Jekk wieħed iħares lejn l-istruttura tal-Awtorita`, jinduna li fiha kienu amalgamati erba’ entitajiet li jistgħu jeżistu anki waħedhom. L-idea hi li meta npoġġu dawn l-erba` entitajiet flimkien nibdew nibbenefikaw minn ċertu sinergiji li jirriżultaw meta dawn ikunu qed jahdmu fl-istess awtorità bl-istess miri.
Il-vantaġġ għall-konsumatur hu ovvju. Il-konsumatur li jrid jinqeda issa se jkollu anqas problema biex jagħżel liema bieb irid iħabbat, għax l-Awtorità stess tkun f’pożizzjoni ideali li tidentifika hi stess liema entità tkun tista’ tindirizza dik is-sitwazzjoni jew problema partikolari.
Wara li nkunu waqqafna din l-Awtorità u nkunu rajniha tiffunzjona, m’hemm xejn xi jżommna milli fil-futur nikkunsidraw inwessgħu l-funzjonijiet tagħha jekk b’hekk il-konsumatur ikun jista’ jinqeda aħjar.
Mill-ġdid nirringrazzja lill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur li daħlu minn jeddhom biex jorganizzaw din il-Konferenza. Nirringrazzja wkoll lill-awtoritajiet regolatorji kollha, mill-oqsma tal-konsumatur, il-kompetizzjoni, il-komunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji, l-istandards u l-mediċini, li qed jipparteċipaw. Persważ li mid-diskussjoni tal-lum se joħroġ ħafna ġid. U mil-lum nistieden lill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur biex f’konferenza oħra bħal din, fil-futur, iġib flimkien aktar awtoritajiet regolatorji biex huma wkoll jagħtu l-opinjoni tagħhom.
Grazzi ħafna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en