DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT IL-FORUM “ID-DRITTIJIET TAL-PAZJENTI” ORGANIZZAT MILL-MALTA HEALTH NETWORK, ST. VINCENT DE PAULE, LUQA – IT-TNEJN 18 TA’ APRIL 2011
Għeżież kollegi u ħbieb,
Grazzi tal-istedina u b’mod partikolari ta’ din l-inizjattiva tal-Malta Health Network.
F’ħafna pajjiżi l-pazjenti m’għadhomx jitqiesu bħala “reċipjenti” tal-informazzjoni. M’għadhomx, kif ngħidu bl-Ingliż, sempliċiment “at the receiving end”. Illum il-pazjenti huma parteċipi fil-proċess kollu tal-informazzjoni, kura u fejqan. Dan il-proċess jissejjaħ “empowerment” u huwa proċess li jiena nemmen ħafna fih u qed naħdem sabiex jitwettaq fil-kompletezza tiegħu – speċjalment f’pajjiżna.
Fix-xogħol tiegħi ta’ Ministru tas-Saħħa, qiegħed naħdem sabiex mill-aktar fis possibli jkollna il-Kummissarju tas-Saħħa li xogħlu, fi ħdan l-uffiċċju tal-Ombudsman, ikun li jipproteġi d-drittijiet tal-pazjenti u jkun ċert li dawn qed jiġu rispettati. Pajjiżna, bħal bqija tal-Ewropa, għadu fil-bidu ta’ dan il-proċess u għaldaqstant, għandu bżonn lil din il-persuna biex tassigura t-trasparenza tal-proċess kollu tal-kura f’kull stadju.
Jiena nemmen li jekk il-poplu tagħna jkun infurmat u ffurmat sew fuq kundizzjonijiet mediċi, jista’ (l-ewwel nett) jkun parteċipi b’mod attiv u effettiv, fil-prevenzjoni tal-mard. Dan japplika mhux biss għal-mard infettiv (bħal dak trasmess sesswalment) imma wkoll għal-mard MHUX infettiv bħall-pressjoni, mard tal-qalb, zokkor, eċċ.
Iżda l-informazzjoni ma tieqafx biss fil-prevenzjoni, sinċerament nemmen li pazjenti infurmati sew huma kapaċi jkunu parteċipi wkoll fil-proċess tal-kontroll ta’ kundizzjonijiet tas-saħħa (bħalma hija d-dijabete), kif ukoll fil-kura u l-fejqan tal-istess mard. Bħali tafu b’każijiet ta’ persuni morda li t-tobba jħossu li mhux biss kienet il-mediċina li għamlet xogħolha, imma kienu l-istess pazjenti li bir-rieda qawwija tagħhom komplew jgħixu ħajja ferm itwal minn dak li kien medikament mistenni.
Bil-Freedom of information act, u permezz ta’ lobbying li jagħmlu għaqdiet bħall-Malta Health Network, illum, il-pazjenti kollha għandhom dritt għall-informazzjoni fuq il-kundizzjoni u l-kura tagħha. Jiddispjaċini ngħid li ħafna drabi hemm pazjenti li ma jfittxux din l-informazzjoni u ma jitolbuhiex. Inħeġġeġ sabiex il-pazjenti ma joqogħdux lura milli jitolbu din l-informazzjoni li għandhom dritt għaliha u nappella lill-media biex dan il-messaġġ iwassluh – mhux biss illum, imma regolarment.
Nemmen li l-uffiċċju tal-Kummissarju tas-Saħħa jista’ jkun effettiv biss jekk il-poplu jkun jaf bid-drittijiet tiegħu. Nieħu gost jekk is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna ssir iktar effiċjenti għaliex il-pazjenti tagħna għandhom aktar “poter” jew “empowerment”. Meta l-poplu jeżiġi aktar mill-awtoritajiet konċernati, għaliex huwa infurmat sew fuq id-drittijiet tiegħu, l-effiċjenza ssir kważi awtomatika. Konsegwentement, il-bidliet neċessarji biex tiżdied din l-istess effiċjenza ma jsibux ir-reżestenza li ħafna drabi jsibu. Illum għad hemm min jassumi li għax il-poplu ma jafx sew id-drittijiet tiegħu fejn tidħol is-saħħa nistgħu nibqgħu nħaddnu sistemi antikwati jew inefiċjenti.
Jien se nkompli naħdem sabiex id-drittijiet tal-pazjenti jiġu rispettati. Se nkompli nagħmel ħilti biex inżidu l-effiċjenza fil-qasam kollu tas-saħħa. Nappella lil KULL għaqda fi ħdan il-Malta Health Network sabiex iżommuni infurmat sew fuq in-nuqqasijiet li jistgħu jiffaċċjaw il-pazjenti tagħna sabiex flimkien inkomplu nimxu lejn dak li hu verament ta’ ġid għall-pazjenti kollha tagħna – EMPOWERMENT.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en