Left arrow Mur Lura

Sitt organizzazzjonijiet mhux governattivi (ngos) oħra megħjuna bil-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs

pr0776
Date Icon 18/04/2011

F’sentejn u nofs il-Gvern għen 16-il proġett ta’ NGOs jassorbu €11.7  miljun f’fondi Ewropej

Sitt organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li akkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea biex iwettqu proġetti taħt diversi programmi ta’ finanzjament, se jirċievu għajnuna finanzjarja addizzjonali permezz tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs imħaddem mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika.

L-NGOs li din id-darba qed igawdu minn dan il-Fond ta’ Ko-Finanzjament huma l-Fondazzjoni Temi Zammit bi tliet proġetti, SOS Malta, l-Oratorju Don Bosco, il-Mużew tal-Avjazzjoni, il-Fondazzjoni Belt Victoria u s-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu.

Bejniethom dawn is-sitt NGOs qed jimplimentaw tmien proġetti differenti u b’kollox se jkunu qed jirċievu €126,158. L-ewwel pagament, ekwivalenti għal 50 fil-mija tat-somma totali, ingħatalhom waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum fil-Mużew tal-Avjazzjoni f’Ta’ Qali u li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Chris Said.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said spjega li meta NGO u ħafna entitajiet oħra jissottomettu proġett għall-finanzjament taħt wieħed mill-programmi tal-Unjoni Ewropea, dawn ikunu jafu sa mill-bidu nett li jkunu jistgħu jakkwistaw sa 85 fil-mija tat-total tal-proġett. Dan ifisser li huma jkunu jridu joħorġu l-15 fil-mija. B’xorti ħażina, sa ftit tas-snin ilu, ħafna ideat u proġetti tajbin kienu qed isiru b’diffikulta’ kbira għaliex għal numru ta’ NGOs, anki dawk il-15 fil-mija jistgħu jkunu ħafna.

Kien propju għal din ir-raġuni li fl-2008, is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali kien waqqaf il-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs li permezz tiegħu il-Kunsilli Lokali jingħataw għajnuna finanzjarja li tkun tkopri parti sostanzjali minn dawk il-15 fil-mija li jkunu jridu joħorġu huma sabiex iwettqu l-proġett b’suċċess.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li bejn l-2009 u l-2010, dan il-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs għen 16-il proġett differenti minn total ta’ 23 proġett li kienu sottomessi. Bejniethom l-NGOs li bbenefikaw mill-Fond, assorbew €11.7 miljun f’fondi Ewropej. Il-Fond ta’ Ko-Finanzjament għen dawn l-istess proġetti b’€437,000 addizzjonali. Chris Said qal li kieku l-Fond ta’ Ko-Finanzjament ma kienx jeżisti, parti minn dawn il-fondi Ewropej setgħu jintilfu.

Is-Segretarju Parlamentari Said qal li hemm aktar applikazzjonijiet pendenti u li qed jiġu evalwati mill-Bord li jamministra l-Fond. Hu ħeġġeġ aktar NGOs biex jinfurmaw rwieħhom u jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom sabiex huma wkoll igawdu mill-finanzjament u l-għajnuna pprovduta mill-Gvern.

Il-proġetti li llum kienu megħjuna permezz tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament huma dawn li ġejjin:

  1. Il-Fondazzjoni Temi Zammit għandha tliet proġetti.
  • Mediterranean Intermodal Transit – dan il-proġett hu bbażat fuq it-trasbord u l-ġarr tal-merkanzija minn u lejn portijiet ewlenin li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-Mediterran. Il-proġett għandu l-għan li joħloq strateġija ta’ mmaniġġjar integrata dwar kif dan il-portijiet jistgħu jaħdmu aktar flimkien.
  • Responsible Industries of the Mediterranean - dan il-proġett hu mnebbaħ mill-Green Paper  tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Qafas Ewropew għall-Corporate Social Responsibility. Il-proġett hu maħsub biex jintroduċi dan il-kunċettf’intrapriżi privati li joperaw fil-Mediterran. Għandu jgħin ukoll biex il-ħaddiema jsiru aktar konxji ta’ erba’ oqsma partikolari: l-immaniġġjar tar-riżorsi umani; is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol; kif ħaddiem jaddatta ruħu għall-bidliet; u l-immaniġġjar aħjar tal-ambjent u r-riżorsi naturali.
  • Plan4all – dan il-proġett jittratta l-immanniġġjar tal-ispazju u permezz tiegħu se jittellgħu diversi fora fuq livell Ewropa li jittrattaw Spatial Data Infrastructure. Ladarba Malta taderixxi mal-metodi kif tiġbor u żżomm l-informazzjoni dwar ‘spatial planning’, tkun qed timxi mad-Direttiva Inspire.
  1. Is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu għandu proġett bl-isem ‘Discovering Cultural and Religious Tourism in Gozo’. Il-ħsieb wara dan l-investiment huwa li l-mużew ikun attrezzat kif jitolbu l-ħtiġijiet ta’ mużewijiet fid-dinja tal-lum u allura jiġbed turiżmu reliġjuż lejn pajjiżna b’enfasi lejn il-Gżira ta’ Għawdex.  Ix-xogħol fuq il-mużew ser jikkonsisti filli jsir xogħol strutturali, sistemi ġodda ta’ dwal, preżentazzjoni awdjo-viżiva tal-ħajja ta’ Karmni Grima. Se ssir sistema ta’ użu mill-enerġija solari biex hekk jitnaqqas il-ħela tal- enerġija u emissjonijiet tal-karbonju. Max-xogħlijiet li ser isiru fil-Mużew ser jiġu rrestawrati ukoll 12-il pittura ta’ Joseph Briffa li jinsabu riprodotti fil-mużajk fis-Santwarju Ta’ Pinu. Dan il-wirt aritistiku juri 12-il episodju mill-ħajja tal-Madonna u li kien sar bejn l-1948 u l-1952. 
  1. Il-proġett ta’ SOS Malta, imsejjaħ ‘Empowering Private Sector Employees through Volunteering’ hu mnebbaħ mill-fatt li l-2010 kienet is-Sena Ewropea tal-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u l-2011 hi dedikata għall-Volontarjat. Dan il-proġett għandu l-għan li jħeġġeġ lis-settur privat u lill-impjegati tiegħu biex jikkontribwixxu fil-qasam tal-volontarjat b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
  1. Il-proġett tal-Oratorju Don Bosco jismu ‘New Spring for Gozo Youth’ u jinvolvi t-tfassil ta’ programm ko-ordinat sabiex tissaħħaħ il-formazzjoni taż-żgħażagħ Għawdxin b’tali mod li dawn jilħqu l-potenzjal tagħhom.
  1. Il-proġett ‘The making of a people – A Cultural and Historical Eco-Museum’, immexxi mill-Fondazzjoni Belt Victoria, jinvolvi l-ħolqien ta’ Mużew u Ċentru dwar il-kultura u l-istorja tar-Rabat Għawdex. L-idea hi li dan iċ-ċentru, fil-qalba tar-Rabat, joffri esperjenza unika lill-viżitaturi. L-għan hu li permezz tiegħu jintlaħqu udjenzi varji inkluż turisti, viżitaturi Maltin u l-komunita’ Għawdxija b’mod partikolari dik Rabtija. Barra minn hekk il-komunita’ artistika Għawdxija se jkollha post ġdid fejn tesebixxi x-xogħlijiet tagħha. Dan għaliex iċ-ċentru se jkun fih ukoll spazju għal wirjiet temporanji u fih se jkunu jistgħu jiġu organizzati konferenzi u seminars.  Fil-Mużew se jkunu esebiti għadd kbir ta’ oġġetti ta’ importanza storika u artistika. L-istorja tal-komunita’ Għawdxija u tal-identita’ tagħha se jkunu rakkontati b’mod innovattiv u għal dan il-għan se jintużaw ukoll għodda elettroniċi u awdjo-viżivi.
  1. Il-Malta Aviation Museum akkwista finanzjament biex permezz tiegħu jibni hangar ġdid imsemmi ‘The Air Battle of Malta Memorial Hangar’ u b’hekk ikun jista’ jesebixxi aħjar il-fdalijiet tal-ajruplani tat-Tieni Gwerra Dinjija.  B’hekk il-viżitaturi jingħataw esperjenza aħjar meta jżuru l-mużew li din l-NGO għandha f’Ta’ Qali.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow