TLIET SKEMI SPORTIVI ĠODDA: L-ISKEMA 20/20 ESTIŻA GĦAS-SETTUR PRIVAT, SKEMA TA’ GĦOTJIET FUQ XIRI TA’ APPARAT SPORTIV U TERĠA’ TIFTAĦ L-ISKEMA TAR-ROTI
Tliet skemi biex ikomplu jinċentivaw l-isport f’pajjiżna kienu mnedija llum mill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech u mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clyde Puli f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kulleġġ San Injazju, Skola tal-Ħandaq. Għal dawn l-iskemi hemm ivvutata s-somma ta’ €450,000. Dawn it-tliet skemi li tħabbru fil-Baġit 2011 huma: l-iskema 20/20 għall-isportivi ħaddiema fis-settur privat; l-iskema ta’ Għotjiet għal Xiri ta’ Tagħmir Sportiv u l-iskema tar-Roti.
L-ewwel skema mnedija llum hija l-iskema 20/20 għall-isportivi ħaddiema fis-settur privat li permezz tagħha sportivi nazzjonali u promettenti jingħataw l-opportunità li jaħdmu 20 siegħa fil-ġimgħa u fl-20 siegħa l-oħra jitħarrġu fid-dixxiplina sportiva tagħhom. Din l-iskema diġà tinsab fis-seħħ għall-ħaddiema tas-settur pubbliku. Dan se jsir billi qed jinħoloq fond ta’ €100,000 għall-ħaddiema sportivi li jagħżlu li jnaqqsu l-ġimgħa ta’ xogħol tagħhom biex jitħarrġu fid-dixxiplina sportiva tagħhom. Dan il-fond jiżdied b’€50,000 kull meta jkun hemm il-logħob tal-GSSE bħal din is-sena.
Skema oħra li ġiet imnedija llum hija l-iskema ta’ Għotjiet għal Xiri ta’ Tagħmir Sportiv fejn għaqdiet sportivi se jingħataw lura 15.25% fuq in-nefqa ta’ apparat sportiv mixtri minn organizzazzjonijiet sportivi kollha reġistrati mal-KMS. Dan il-fond din is-sena jammonta għall-kwart ta’ miljun ewro.
Tħabbret ukoll skema li permezz tagħha tingħata għotja ta’ darba ta’ 15.25% fuq xiri ta’ roti. Din l-iskema kienet tħabbret bħala skema pilota fl-2008 u li minnha kienu bbenefikaw 1,920 persuna li bejniethom ħadu s-somma ta’ aktar minn €73,000. Għall-din l-iskema hemm allokati €50,000.
Il-Ministru Fenech sostna li “l-isport jagħti kontribut importanti għas-saħħa tal-bniedem u huwa element essenzjali fil-kwalità tal-ħajja tagħna. Aktar minn hekk, prestazzjonijiet ta’ livell ogħla eventwalment iwasslu biex jinkisbu riżultati aktar pożittivi għall-isportivi li jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali uffiċjali rikonoxxuti, u jwasslu biex jelevaw il-profil ta’ Malta fix-xena internazzjonali.”
Dawn iservu wkoll biex titrawwem kultura aktar sportiva fost il-popolazzjoni tal-gżejjer Maltin għaliex iħajru aktar persuni biex jibdew jipprattikaw dixxiplini sportivi li jkunu qed jiksbu suċċess.
Fid-diskors tiegħu l-Onor Puli sostna li din hija ħolqa oħra minn katina ta’ għajnuniet li l-Gvern qiegħed jagħti sabiex isaħħaħ l-isport f’pajjiżna. Hu saħaq li l-Gvern qiegħed jinvesti fl-isport għaliex jemmen fis-saħħa tal-valur tiegħu għas-soċjetà bħala mezz ta’ edukazzjoni u li jqajjem kuxjeza għal ċittadinanza attivà.
Hu fakkar li f’dawn is-sentejn l-għaqdiet sportivi sar għandhom xejn anqas minn 25 skema minn xiex igawdu flimkien ma’ miljuni ta’ ewro f’assistenza kull sena. Fl-2010 biss żied is-Segretarju Parlamentari, il-Gvern qassam madwar €5.5 miljun permezz tad-diversi skemi tiegħu. 14-il skema minnhom huma amministrati direttament mill-KMS fejn is-sena li għaddiet qassam €3.3 miljun.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en