DELEGAZZJONI MALTIJA TATTENDI GĦAT-TIENI SESSJONI TAL-2011 TAL-ASSEMBLEA PARLAMENTARI TAL-KUNSILL TAL-EWROPA
L-Onor Francis Agius MP mexxa delegazzjoni parlamentari li attendiet għat-tieni sessjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li ltaqgħet fi Strasburgu bejn il-11 u l-15 ta’ April 2011. Il-bqija tad-delegazzjoni Maltija kienet komposta mill-:
Onor Giovanna Debono MP, Ministru għal Għawdex; Membru
Onor Joseph Debono Grech MP; Membru
Onor Joseph Falzon MP, Membru Sostitut
Onor Beppe Fenech Adami MP, Membru Sostitut
Onor Marie Louise Coleiro Preca MP, Membru Sostitut
Is-Sur Ray Scicluna, Segretarju tad-Delegazzjoni
Il-proċedura tal-Assemblea Parlamentari tipprovdi biex fil-bidu ta’ kull sessjoni, jitressqu talbiet għal diskussjoni fuq kwestjonijiet urġenti kif ukoll ta’ ġrajjiet kurrenti liema dibattiti ġeneralment isiru nhar ta’ Ħamis. Kien għalhekk li fl-14 ta’ April il-Membri ikkonsidraw rapport mħejji mill-Kumitat dwar l-Immigrazzjoni Irregolari, Refuġjati u l-Popolazzjoni: “The large-scale arrival of irregular migrants, asylum seekers and refugees on Europe's southern shores” Wara segwa dibattitu ġenerali mingħajr vot dwar dak li qiegħed jiġri fit-tramuntana tal-Afrika.
L-Onor Agius ħa parti f’dan id-dibattitu dwar l-immigrazzjoni irregolari billi fakkar lil dawk preżenti li Malta kienet strumentali biex f’perjodu qasir ta’ żmien ġew evakwati 16,000 persuna mil-Libja. Huwa hawnhekk irrikonoxxa l-ħidma ta’ numru ta’ ħaddiema Maltin biex din l-evakwazzjoni setgħet issir b’mod effiċjenti u professjonali.
Semma wkoll kif tul is-snin Malta salvat eluf ta’ immigranti irregolari mill-għarqa u li kif mill-istatistika jirriżulta li kważi kull wieħed minn dawn il-persuni japplika għal protezzjoni internazzjonali liema talba tintlaqa’ f’68% tal-każi. Wara li semma li f’temp ta’ ġimgħatejn waslu Malta ‘l fuq minn 1100 immigrant saħaq fuq il-bżonn immedjat li jiġi attivat il-mekkaniżmu Ewropew biex tinqasam ir-responsabilità f’dan ir-rigward. (Anness 1 - kopja tad-diskors)
Ir-rapport għadda b’maġġoranza kbira wara li ġie emendat fost oħrajn b’emenda tar-rapporteur Tineke Strik biex sub-paragrafu 12.8.2 ġie jaqra hekk:
The Assembly recognising that events in North Africa are of concern to all member states of the Council of Europe, therefore calls on member states to show solidarity in the challenges faced, which includes sharing responsibility with front-line states, including by looking into the possibility of taking on commitments for resettlement of those with international protection needs from the European countries of arrival and on suspending the application of the Dublin Regulations or on considering other forms of responsibility sharing, through the use of existing mechanisms provided for in the Dublin Regulation, including the solidarity clause in Article 3(2) and the humanitarian clause in Article 15.
Fl-għeluq ta’ din id-diskussjoni fl-Assemblea, kemm ir-rapporteur hi kif ukoll iċ-chairperson tal-Kumitat dwar l-Immigrazzjoni Irregolari, Refuġjati u l-Popolazzjoni, l-Onor Christopher Chope, għaddew rimarki dwar il-problemi li qed tiffaċċja Malta. L-Onor Strik qalet li m’għandnix bżonn ta’ Dublin Convention riveduta biex nieħdu l-passi li hemm bżonn. Żiedet tgħid li għandna nkunu ta’ sostenn għall-pajjiżi tat-tramuntana tal-Afrika issa, għaliex wara kollox huwa fl-interess ta’ kulħadd li dawn il-pajjiżi jkollhom futur prosperuż. Qalet ukoll li jekk l-Italja u Malta, li s’issa qegħdin jaqdu d-doveri tagħhom b’mod ta’ min ifaħħru, jibqgħu ma jingħatawx għajnuna, teżisti l-possibilta’ li dawn iż-żewġ pajjiżi ma jkunux jistgħu jibqgħu joffru din l-ospitalità. L-Onor. Chope irrimarka li meta wieħed jisma l-intervent tar-rappreżentant Malti dwar in-numru relattivament kbir ta’ immigranti li qed jaslu Malta, jiġifieri meta dan l-ammont jittieħed ras għal ras ma’ pajjiżi bħall-Ġermanja per eżempju, tonqos l-importanza tal-problema fl-Italja. Għaldaqstant il-Kumitat li huwa jippresjedi se jkun qiegħed jipprepara rapport dwar il-kwestjoni tat-tqassim tar-responsabbilità, liema rapport għandu jiġi diskuss fis-sessjoni li jmiss. (Anness 2 – kopja tat-traskrizzjoni).
Waqt il-preparazzjoni ta’ dan ir-rapport fil-Kumitat dwar l-Immigrazzjoni Irregolari, Refuġjati u l-Popolazzjoni, l-Onor Fenech Adami ressaq u ddefenda numru ta’ emendi. Fost l-emendi li ġew adottati kien hemm l-inklużjoni tas-segwenti sup-paragrafi li finalment ġew jagħmlu parti mit-test tar-riżoluzzjoni:
12.1. acknowledge that the arrival of a large number of irregular immigrants on the southern shores of Europe is the responsibility of all European states and requires a solution which envisages the need to share this responsibility collectively. The Assembly reminds member states of the repeated appeals of the Council of Europe Commissioner for Human Rights for the need for effective responsibility sharing;
12.8.4. acknowledging the particularly difficult situation in which Malta finds itself, in view of the size of its territory, its high population density and limited human and material resources, and committing to the resettlement of those with international protection needs.
Il-Kumitat ivvota kontra l-emenda Maltija li kienet qed tipproponi li jitħassar il-paragrafu 7 li jgħid li l-mewġa ta’ immigranti li għadejja bħalissa m'għandix titqies bħala waħda allarmanti, kif ukoll kontra emendi li pproponew li jdaħħlu kliem “sakemm dan ikun possibbli għall-pajjiż” kull fejn fit-test tar-riżoluzzjoni kien jidher il-kliem “m’għandux ikun hemm detenzjoni awtomatika”.
Matul il-ġimgħa, id-delegazzjoni Maltija pparteċipat permezz ta’ numru ta’ interventi fl-Assemblea, fil-Kumitati u f’laqgħat informali.
Il-Ministru Debono indirizzat lill-Assemblea waqt id-diskussjoni fuq ir-rapport intitolat: “Safeguarding children and young people from obesity and type 2 diabetes.” fejn fost affarijiet oħra semmiet x’miżuri qegħdin jittieħdu fl-iskejjel ta’ Għawdex biex tiġi indirizzata din il-problema. Hija spjegat kif it-tfal qegħdin jiġu mħajra jieħdu kolazzjon san fl-iskola flimkien ma’ sħabhom u kif il-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika sar suġġett obbligatorju. Hija saħqet ukoll li l-edukazzjoni tat-tfal mhijiex biss responsabbiltà tal-għalliema imma ukoll tal-ġenituri kif ukoll tal-politiċi. Għaldaqstant hemm bżonn ta’ kampanja edukattiva dwar it-trobbija tat-tfal li tkun tinkludi tagħlim dwar ikel bnin li għandhom bżonn it-tfal biex jikbru b’saħħithom. Il-Ministru għal Għawdex għalqet id-diskors tagħha billi saħqet li tfal b’saħħithom huma riżorsa importanti kemm għall-familja kif ukoll għall-Istat. (Anness 3 - kopja tad-diskors)
L-Onor Joseph Debono Grech, kellu laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet non-governattivi internazzjonali u mill-Azerbaijan fejn dawn qajmu l-preokkupazzjonijiet tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbaijan partikolarment f’dak li jirrigwarda l-libertà tal-espressjoni. It-talba għal din il-laqgħa saret minn International Partnership Group for Azerbaijan, Institute for Reporters' Freedom and Safety, Index on Censorship, Open Society Institute - Assistance Foundation/Azerbaijan, u Human Rights House Foundation. Wara li ssemmew numru ta’ allegat każi fejn ġew mittiefsa d-drittijiet ta’ ġurnalisti issemma l-każ ta’ Eynulla Fatullayev li għadu miżmum il-ħabs mill-2007 minkejja li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’deċiżjoni li kienet ingħatat f’April 2010, kienet ordnat ir-rilaxx immedjat ta’ dan l-editur. L-Onor Debono Grech stieden lir-rappreżentanti biex jibgħatulu rapport dwar il-każi msemmija ħalli jkun jista’ jressqu fil-Kumitat kif ukoll matul iż-żjara li għandu jagħmel f’dan il-pajjiż iktar tard matul is-sena. L-Onor Debono Grech inħatar co-rapporteur dwar is-sitwazzjoni politika f’dan il-pajjiż fit-18 ta’ Novembru 2009 mill-Kumitat ta’ Moniteraġġ dwar ir-rispett ta’ l-Obbligi u l-Impenji mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Huwa kien ukoll jifforma parti mill-grupp ta’ osservaturi li ntbagħtu f’dan il-pajjiż meta nżammu l-Elezzjonijiet Ġenerali f’Ottubru 2010.
Matul din is-sessjoni l-Onor. Joseph Falzon indirizza l-Assemblea tliet darbiet u pparteċipa fil-Kumitat dwar l-Ambjent, l-Agrikoltura u Affarijiet Lokali u Reġjonali u fil-Kumitat dwar il-Kultura, Xjenza u Edukazzjoni.
Nhar l-Erbgħa 13 ta’ April huwa tkellem fuq rapport intitolat: “The need to assess progress in the implementation of the Bern Convention” mressaq mill-Kumitat dwar l-Ambjent, l-Agrikoltura u Affarijiet Lokali u Reġjonali. F’dan id-deċenju ddedikat mill-Ġnus Magħquda lill-bio-diversità, huwa importanti li kull pajjiż jagħmel analiżi ta’ kif qiegħed jimplimenta din il-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni ta’ Bern kienet strumentali biex f’Malta inbeda l-proġett hekk imsemmi Emerald Network fil-15 ta’ Novembru 2001 bi ftehim mal-Kunsill tal-Ewropa. Bil-koodinament ta’ Ecosystems Management Unit u bl-assistenza tal-Awtorità tal-Ippjanar u Ambjent dan il-proġett serva bħala għodda effettiva biex tiġi protetta n-natura fi gżiritna. Huwa għalaq l-indirizz tiegħu billi bħala Chairperson tas-sotto Kumitat dwar l-Iżvilupp Sostenibbli talab lill-Membri preżenti jimbottaw lill-Parlamenti nazzjonali rispettivi tagħhom biex jimplimentaw din il-Konvenzjoni. (Anness 4 - kopja tad-diskors)
Nhar l-Erbgħa wkoll l-Onor Falzon tkellem fuq rapport intitolat: “Education against violence at school” imressaq mill-Kumitat dwar il-Kultura, Xjenza u Edukazzjoni. L-Onor Falzon beda biex qal li teżisti konnessjoni bejn il-vjolenza fl-iskejjel u dik fis-soċjetà u li għaldaqstant din ir-rabta għandha tingħata attenzjoni xierqa u adegwata. Huwa għamel emfasi fuq kemm dan l-aġir vjolenti fit-tfal jista’ jkun konsegwenza tal-ambjent li dawn jiffaċċjaw fil-familji tagħhom. Semma wkoll kemm il-bullying jista’ jkollu riperkussjonijiet fit-tul kemm fuq l-agressur kif ukoll fuq il-vittma. (Anness 5 – kopja tad-diskors)
Nhar il-Ħamis 15 ta’ April, waqt laqgħa tal-Kumitat dwar l-Ambjent, l-Agrikoltura u Affarijiet Lokali u Reġjonali, l-Onor Falzon irrapporta dwar dak li seħħ fis-Sotto Kumitat dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li huwa ppresieda f’Monaco fit-22 ta’ Marzu fejn ġie mfakkar il-Jum Dinji tal-Ilma liema data ġiet magħżula mill-Ġnus Magħquda. (Anness 6 - kopja tar-rapport)
L-għada l-Ġimgħa 16 ta’ April, l-Onor Falzon tkellem fuq rapport intitolat: “Water – a source of conflict” li wkoll kien ippreparat mill-Kumitat dwar l-Ambjent, l-Agrikoltura u Affarijiet Lokali u Reġjonali. Madwar biljun ruħ fid-dinja m’għandhomx aċċess għal ilma nadif. Hekk beda d-diskors tiegħu l-Onor Falzon li kompla jispjega kif din l-iskarsezza qiegħda tkun kaġun ta’ konflitti bejn Stati tant li dan l-aċċess qiegħed iservi anke bħala strument ta’ gwerra. Min dan toħroġ l-importanza li naħdmu lejn it-tkattir ta’ stabbilità politika u soċjali fir-reġjuni milquta. L-iskarsezza tal-ilma f’ċertu partijiet tad-dinja qiegħda wkoll tkun kawżata minħabba bdil fil-klima, liema bidla, skond l-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) ma jistax jiġi attribwit biss għal kawżi naturali imma wkoll għall-attività mill-bnedmin. Huwa għalaq billi qal li fejn fil-każ ta’ kriżi finanzjarja is-sitwazzjoni tista’ tiġi ndirizzata b’bailouts ekonomiċi, l-istess ma jistax isir f’każ ta’ diżastri ambjentali. (Anness 7 – kopja tad-diskors)
Nhar il-Gimgħa wkoll, l-Onor Coleiro Preca tkellmet fuq rapport intitolat: “Unaccompanied children in Europe: issues of arrival, stay and return” ippreparat mill-Kumitat għall-Migrazzjoni, Refuġjati u Popolazzjoni. Hi kienet qed tindirizza lill-Assemblea fil-mansjoni ta’ rapporteur wara li l-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali, Saħħa u l-Familja li għalih tappartjeni intalab jagħti opinjoni fuq ir-rapport fuq imsemmi. Hija bdiet id-diskors tagħha billi qalet li dan ir-rapport ma setgħax tressaq f’ħin aktar opportun meta tant eluf ta’ familji qiegħdin jaħarbu mir-reġjuni ta’ gwerra fil-kontinent Afrikan. Spjegat kif peress li Malta bħalissa qiegħda tilqa’ fi ħdanha numru ta’ immigranti, ma tantx wieħed idum biex jifhem ix-xewqa li dawn il-persuni flimkien mat-tfal tagħhom ikollhom għal ħajja aħjar. Għalkemm l-istatistika f’din il-materja mhijiex preċiża, huwa stmat li bħalissa hawn mal-100,000 minuri li m’għandhomx min jieħu ħsiebhom. Raġuni oħra li tagħmel dan ir-rapport tant importanti hija li bis-saħħa tiegħu, il-politiku qiegħed jiġi xprunat itella’ din il-problema ‘l fuq fl-aġenda tal-pajjiż rispettiv tiegħu. Hija għalqet id-diskors tagħha billi kkwotat lis-Sur Joe Tanti mill-Akkademja Mediterranja dwar l-Istudji Diplomatiċi: “Children arrive here unwillingly. Placed on boats destined to uncertainty, they leave a life marked by fear and persecution they cannot understand. The justice that has failed them in the past must not fail them again in the future.” (Anness 8 – kopja tad-diskors)
L-Onor Coleiro Preca pparteċipat fil-laqgħa tal-Grupp Soċjalista fejn ġiet mitluba tagħti resume' dwar ir-rapport fuq imsemmi u saħqet fuq l-emfazi li jinħtieġ li jkun hemm min-naħa tal-Membri Stati tal-Kunsill ta' l-Ewropa biex jadattaw għall-15-il prinċipju bażiku biex tiġi armonizzata l-proċedura u l-attitudni lejn dawn il-minuri.
Hija pparteċipat ukoll fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Żvilupp fejn intervjeniet fuq diversi suġġetti. L-Onor Coleiro Preca ppartecipajt fid-diskussjoni dwar: “Underground economy: a threat to democracy, development and the rule of law” imressaq mir-rapporteur Victor Pleskachevskiy, Federazzjoni Russa, fejn għamlet emfażi fuq pajjiżi żgħar bħal Malta u l-effett tal-ekonomija s-sewda fuqhom. Ipparteċipat ukoll fid-diskussjoni dwar ir-riforma tal-Assemblea Parlamentari fejn ressqet il-proposta li l-Kumitati għandu jkollhom aktar ħin għax-xogħol taghħom. Issuġġeriet wkoll li l-laqgħat tal-kumitati ma jsirux fl-istess hin biex Membri Stati żgħar bħal Malta li għandhom delegazzjonijiet zgħar ikunu jistghu jikkontribwixxu b'mod sħiħ fix-xogħol siewi li jsir f’dawn l-istess kumitati.
Is-Segretarjat tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Żvilupp talab lill-Onor Coleiro Preca biex għal-laqgħa li jmiss f'Mejju, tespandi l-ewwel rapport introduttorju dwar il-Mozzjoni għal Riżoluzzjoni imressqa minnha stess u li kienet approvata mill-Bureau intitolata “The challenges faced by small national economies” . Din it-talba saret sabiex fir-rapport tingħata emfażi partikolari fuq karatteristiċi partikolari ta' ekonomiji żgħar bħal dik ta’ Malta. Fid-diskussjoni li kellha mas-Segretarjat tal-Kumitat giet diskussa wkoll il-kwistjoni tal-konnettività ta' Malta fil-kuntest tas-sitwazzjoni tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru AirMalta.
Qabel ma l-President għalaq it-tieni sessjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, huwa irringrazzja lill-Membri preżenti u bħala ġest ta’ rikonoxxenza, erba’ Membri ingħataw tifkira tal-parteċipazzjoni sħiħa fil-voti kollha li ttieħdu matul din l-istess sessjoni. Fost dawn il-Membri kien hemm l-Onor Joseph Falzon.
Lista ta’ riżoluzzjonijiet li ġew adottati matul din is-sessjoni tista’ tinkiseb minn fuq dan is-sit:
http://assembly.coe.int/ASP/Doc/ATListingSession_E.asp?IDSession=339
pr0773a - Anness 1.pdf
pr0773b - Anness 2.pdf
pr0773c - Anness 3.pdf
pr0773d - Anness 4.pdf
pr0773e - Anness 5.pdf
pr0773f - Anness 6.pdf
pr0773g - Anness 7.pdf
pr0773h - Anness 8.pdf
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en