Left arrow Mur Lura

INFORMAZZJONI FUQ VARI FIL-WIRJA FIL-PALAZZ TA’ SANT’ANTON INAWGURATA MILL-E.T. IL-PRESIDENT GEORGE ABELA

pr0763
Date Icon 16/04/2011

Id-devozjoni lejn il-passjoni, il-mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu f’pajjiżna hija waħda antika ħafna. Jidher li sa minn żmien l-ewwel Kristjani kienu diġà qegħdin iħarsu lejn is-salib bħala l-iktar simbolu li jagħraf ir-reliġjon tagħna.  Dan nafuh minn graffiti li nstabu f’diversi katakombi. Fl-Abatija tad-Dejr fir-Rabat ta’ Malta nstabet forsi l-eqdem xbieha impittra ta’ Ġesù Msallab f’pajjiżna.  Din hija pittura tal-bidu tas-seklu ħmistax.

Promoturi ewlenin tad-devozjoni lejn il-passjoni ta’ Kristu kienu l-patrijiet Franġiskani li bħall-fundatur tagħhom San Franġisk ta’ Assisi marru fl-art imqaddsa biex jieħdu ħsieb dawk l-imkejjen tant għeżież għall-Insara. Kull fejn marru dawn il-patrijiet xerrdu d-devozjoni u hekk għamlu f’pajjiżna fejn naraw li fil-knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat ta’ Malta kienet diġà qiegħda tiġi organizzata forma ta’ purċissjoni tal-passjoni ħafna qabel il-wasla tal-Kavallieri f’Malta. Din id-devozjoni u tradizzjoni naraw li bdiet tixxered ma’ Malta u Għawdex. Fil-purċissjonijiet kienu jintużaw numru ta’ vari li jirrappreżentaw il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù Kristu.

Fil-bidu dawn l-istatwi kienu jkunu manikin imlibbes bid-drapp. Iktar tard naraw li dawn bdew jinħadmu fil-kartapesta. Biż-żmien żviluppaw ukoll vari skolpiti fl-injam. Il-vari tal-kartapseta kien jiħtiġilhom ħafna tiswija mill-ħsara li kienet tkun ikkawżata jew minn maniġġar ħażin jew minn xi xita li xi kultant il-purċissjoni tinqabad fiha, jew inkella mill-fatt li minħabba l-kwantità ta’ vari ma kienx ikollhom niċeċ adegwati biex jintrefgħu fihom. Għalhekk dawn l-istatwi kienu jinbidlu ta’ sikwit. Raġuni oħra għalfejn kienu jinbidlu kienet meta daħlet id-drawwa li flok figura waħda l-istatwi jibdew isiru b’iktar figuri. Xi daqqiet naraw li xi statwi li saru ġodda kienu jerġgħu jinbidlu wara ftit snin għax ma jkunux ingħoġbu.

Fil-maġġoranza assoluta dawn il-vari huma xogħol ta’ artisti Maltin li permezz tagħhom urew il-kapaċità tagħhom u fl-istess ħin servew biex ikompli jikber il-kult tad-devozjoni lejn il-passjoni ta’ Ġesù Kristu f’pajjiżna.

Kien ghalhekk li nibtet l-idea li fil-Palazz ta'Sant'Anton tittella' wirja b'dawn il-vari li inghataw minn diversi parrocci f'Malta u m'ghadhomx jintuzaw. Il-President George Abela f'kelmtejn li ghamel esprima x-xewqa li ghandha tinholoq iktar kuxjenza u dawn l-istatwi jigu restawrati. Il wirja se tkun miftuha kuljum sa Sibt il-Ghid.

Informazzjoni dwar kull vara;

Kurċifiss.  Dan il-Kurċifiss inġieb mis-Santwarju u Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu Valletta.  Huwa maħdum fil-kartapesta u sar fis-sena 1801.  L-awtur tiegħu mhux magħruf.  Jingħad li dan kien jintrama fuq il-palk tal-eżerċizzi fi żmien ir-Randan Imqaddes. Dan il-palk kien jintrama quddiem l-altar maġġur biex minn fuqu jsiru l-prietki tal-Eżerċizzi.

Redentur.  Din il-vara tar-Redentur kienet tifforma parti mis-sett tal-vari oriġinali fil-parroċċa ta’ Marija Bambina tan-Naxxar.  Huwa maħdum fuq stil tradizzjonali ispirat mir-Redentur tal-Isla u huwa xogħol ta’ Saverio Laferla.  Huwa xogħol fil-kartapesta u dam jintuża sal-1981 meta kien inbidel ma’ vara ġdida tar-Redentur maħduma minn Michael Camilleri Cauchi.

Marija Addolorata.  Din il-vara ta’ Marija Addolorata kienet tifforma parti mis-sett oriġinali fil-parroċċa ta’ Marija Bambina tan-Naxxar.  Hija maħduma fuq stil tradizzjonali b’somiljanzi mal-vara tad-Duluri li nsibu fil-Belt Valletta.  Hija xogħol fil-kartapesta iżda l-interventi li saru fuqha mal-mogħdija taż-żmien tellfu ħafna mis-sbuħija tagħha.  Mhux magħruf l-awtur tagħha; jista’ jkun li oriġinarjament inħadmet minn Saverio Laferla.

Kristu Marbut mal-Kolonna.  Din il-vara ta’ Kristu Marbut mal-Kolonna kienet   tifforma parti mis-sett oriġinali fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi. L- awtur ta’ din il-vara mhux magħruf u jidher li nħadmet f’nofs is-seklu dsatax fil- kartapesta fuq stil tradizzjonali li f’dak iż-żmien konna nsibu diversi vari simili f’purċissjonijiet oħra. Damet tintuża mas-sett oriġinali sal-1961 meta kienet inġiebet vara ġdida minn Bari fl-Italja.

Kristu fl-Ort.  Din hija vara antika ħafna u kienet tintuża fil-purċissjoni li kienet         toħroġ nhar Ħamis ix-Xirka mill-knisja tal-Lunzjata tal-Patrijiet Dumnikani tal-         Birgu. Din il-purċissjoni ma baqgħetx toħroġ meta l-Isqof Carmelo Scicluna kien       ordna li l-purċissjonijiet tal-passjoni joħorġu biss nhar il-Ġimgħa l-Kbira u għalhekk peress li fil-Birgu kien hemm dik li kienet toħroġ mill-knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz dik tad-Dumnikani ma setgħetx toħroġ iktar. Din il-vara oriġinarjament jidher li kienet manikin u kienet titlibbes bil-ħwejjeġ ta’ veru. Filwaqt li r-ras u s-saqajn huma tal-injam il-kumplament huwa tal-kartapesta. Jidher ċar li f’xi żmien kienu tneħħew il-ħwejjeġ tad-drapp u saru tal-kartapesta.

Veronika.   Din il-vara tal-Veronika kienet tifforma parti mis-sett ta’ vari li nsibu fil-parroċċa ta’ Sant’Andrija ġewwa Ħal Luqa. Hija xogħol fil-kartapesta ta’ Ġużeppi Vella li ħadimha fl-1830. Hija għandha poża popolari ħafna fil-vari tal-Veronika u f’diversi purċissjonijiet kont issib xbihat tal-Veronika għarkupptejha bħal din. Din il-vara damet tintuża fil-pruċissjoni ta’ Ħal Luqa sal-1999 meta żżanżnet waħda ġdida maħduma minn Renzo Gauci.

Xmun iċ-Ċirinew.  Din il-vara kienet tifforma parti mis-sett tal-vari li nsibu fil-parroċċa ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra ġewwa ż-Żejtun. Hija maħduma fil-      kartapesta u kienet inġiebet minn Lecce fl-Italja fis-sena 1962. L-awtur tagħha huwa Angelo Capoccia u kienet l-ewwel waħda f’Malta b’dan is-suġġett.  Kienet  ukoll waħda minn tal-ewwel li bħala vara kienet tinkludi grupp ta’ persunaġġi. Sa dak iż-żmien kienet tkun il-vara l-kbira biss bi grupp ta’ persunaġġi. Din il-vara nbidlet fl-2007 meta żżanżnet waħda ġdida maħduma minn Alfred Camilleri Cauchi.
Kristu Mejjet.   Din il-vara tinsab f’Dar Il-Qalb ta’ Ġesù f’Santa Venera. Dan  il-bini huwa magħruf ukoll bħala l-Istitut ta’ Adelaide Cini. Din hija maħduma fil- kartapesta imma l-awtur tagħha mhux magħruf u lanqas meta nħadmet. Din l-istatwa matul is-sena tkun miżmuma f’niċċa apposta fil-knisja ta’ dan l-istess bini. Fil-passat meta l-istitut kien immexxi mis-Sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesù kienet issir funzjoni nhar il-Ġimgħa l-Kbira  li kienet tissejjaħ tat-tliet sigħat u wara din l- istatwa kienet tintrama quddiem l-altar maġġur u jsir talb speċjali mis-sorijiet.

San Ġwann l-Evanġelista.  Din l-istatwa kienet tifforma parti mill-vara l-kbira li nsibu fis-sett ta’ vari fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi. Hija maħduma fil-kartapesta u saret lejn nofs is-seklu tmintax.  L-awtur tagħha mhux magħruf. Madwar 110 sena ilu din kienet inbidlet ma’ statwa oħra maħduma minn Karlu Darmanin. Illum din tinżamm fil-knisja tal-Madonna tal-Ħlas ġewwa Ħal Qormi.

Ecce Homo.  Din il-vara kienet tifforma parti mis-sett ta’ vari li nsibu fil-knisja            parrokkjali ta’ San Bartilmew f’Ħal Għargħur. Hija maħduma fil-kartapesta,            xogħol Kalċidon Mangion. Din il-vara kienet mibdula ma’ oħra ġdida maħduma            minn Renzo Gauci li żżanżnet fl-1990.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow