IL-JUM INTERNAZZJONALI TAL-KTIEB 2011 ICCELEBRAT F’GHAWDEX
Għall-erbatax-il sena konsekuttiva, il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex b’koordinament mal-Gozo College Rabat Primary Literacy Unit fakkret il-Jum Internazzjonali tal-Ktieb permezz ta’ sensiela ta’ attivitajiet. Dawn laħqu l-qofol tagħhom dalgħodu bi programm imżewwaq li kien jinkludi l-inawgurazzjoni ta’ wirja ta’ kotba ġodda mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex.
Il-Ministru Debono faħħret il-ħidma tat-taqsima tal-libreriji ġewwa Għawdex li permezz tagħha, minbarra li tippromwovi l-qari toffri wkoll servizzi utli lil diversi edukaturi, studjużi u riċerkaturi. Hija spjegat kif dawn is-servizzi jiġu msaħħa permezz ta’ finanzjament annwali li jinkludi wkoll xiri ta’ kotba ġodda, kemm għal-librerija Pubblika fir-Rabat kif ukoll għal taqsimiet tal-librerija li jinsabu f’lokalitajiet differenti f’Għawdex. Il-Ministru Debono rreferiet għal fatt li matul is-sena li għaddiet f’Għawdex kien hemm żieda ta’ madwar 560 membru ġdid, filwaqt li ġew mislufa kważi 105,000 ktieb. Żiedet tgħid kif is-sena l-oħra nxtraw aktar minn 1,200 ktieb li tqassmu fil-libreriji kollha madwar Għawdex.
Aktar minn 700 ktieb ġdid li qed jiġu esebiti fil-Librerija Pubblika, inxtraw fuq suġġerimenti tal-pubbliku, b’mod speċjali tal-istudenti. Il-kotba ġodda jvarjaw minn dawk ta’ natura akkademika għal rumanzi, minn kotba indirizzati għall-adulti kif ukoll għal dawk ta’ eta` minn livell primarju sa dak universitarju, flimkien ma’ għadd ta’ kotba li ġew stampati dan l-aħħar fil-gżejjer Maltin u li ser iżidu l-kollezzjoni fit-Taqsima tal-Melitensia f’din il-librerija.
Din il-wirja ta’ kotba ġodda ser tibqa’ miftuħa sa nhar is-Sibt 14 ta’ Mejju 2011, u ser tkun imtellgħa mill-ġdid is-Sibt 4 ta’ Ġunju 2011 waqt Lejlet Lapsi Notte Gozitana.
L-attività ġiet fi tmiemha bil-preżentazzjoni ta’ ċertifikati u kotba mill-Onor. Giovanna Debono lil dawk li pparteċipaw fl-attività.
Matul din il-ġimgħa ttellgħu diversi attivitajiet oħra fil-Librerija Pubblika li kienu jinkludu Storytelling sessions bis-sehem ta’ studenti tal-Iskola Primarja tar-Rabat, opportunità għall-istudenti li jattendu l-iskola sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof mal-awtur Alan Bradley, kif ukoll attività poetika f’għeluq il-mitt sena mit-twelid tal-Professur Ġużè Aquilina li kienet tikkonsisti f’qari ta’ poeżiji minn studenti u adulti u kienet imżewqa b’siltiet mużikali. Dan l-istudjuż kbir tal-lingwa Maltija twieled fil-Munxar Għawdex fis-7 ta’ April tal-1911.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en