JUM IL-BIZZILLA F’GĦAWDEX
Għall-ħmistax-il sena konsekuttiva, il-Kampus tal-Università f’Għawdex tella’ l-Gozo Lace Day, avveniment annwali li għandu l-għan li jippromwovi u jkattar l-informazzjoni dwar ix-xogħol tal-bizzilla. L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet tinkludi wirja ta’ xogħlijiet maħdumin b’din is-sengħa flimkien ma’ disinji magħrufa bħala xempji li fuqhom jinħadmu x-xogħlijiet. Kien hemm ukoll min kien qed jaħdem il-bizzilla fuq il-post.
Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono fissret kif il-Gozo Lace Day sar avveniment stabbilit fil-kalendarju annwali tal-Kampus tal-Università f’Għawdex. Din l-attività tiġbed interess kemm minn bosta Għawdxin kif ukoll minn ħafna Maltin li jiġu Għawdex speċifikament għal din l-attività. Permezz tal-ħidma li ssir ġewwa dan il-kampus, bosta setgħu jsegwu korsijiet li wassluhom biex jiksbu kwalifiki universitarji f’dan is-suġġett li għandu relevanza partikolari għal Għawdex. Dan jorbot ukoll mal-għanijiet tal-viżjoni eko-Għawdex li fost l-oħrajn ifittxu li jippreservaw tradizzjonijiet u snajja’ li minkejja li ntirtu mill-imgħoddi għad għandhom valur attwali.
Tkellmu wkoll l-ex Speaker tal-kamra tar-Rappreżentanti s-Sur Anton Tabone, il-Koordinatriċi tal-Lace Making Programme s-Sinjura Consiglia Azzopardi u Dr Raymond C. Xerri. Is-Sur Anton Tabone feraħ lid-Direttur u lill-istaff tal-Kampus tal-Università f’Għawdex filwaqt li faħħar il-ħidma tas-Sa. Consiglia Azzopardi. Huwa awgura li fis-snin akkademiċi li ġejjin l-istudju tal-bizzilla jkun offrut ukoll bħala Baċellerat.
Fl-indirizz tagħha, Consiglia Azzopardi rreferiet ukoll għal preparazzjonijiet li jinsabu għaddejjin sabiex mis-sena akkademika li ġejja, l-istudji tal-bizzilla jkunu offruti f’livell ta’ degree. Hija qalet li l-kors li jwassal għal Diploma fl-Istudji tal-Bizzilla fil-Kampus tal-Università f’Għawdex huwa l-ewwel pass. Minn naħa tiegħu, Dr Raymond C. Xerri tkellem dwar is-simboli lokali u reġjonali li jintużaw fid-disinji tal-bizzilla f’Għawdex.
Fi tmiem l-attività l-Ministru Giovanna Debono ppreżentat iċ-ċertifikati lil numru ta’ studenti li attendew korsijiet tal-Lace-Making Programme. Għal din l-okkażjoni attendew ukoll numru mdaqqas ta’ nies li għandhom din is-sengħa għal qalbhom. Dawn kellhom l-opportunità jaraw ix-xogħlijiet esebiti li kienu jinkludu xogħol artiġjanali kontemporanju ta’ kwalità għolja flimkien ma’ xogħlijiet oħra f’wirja mtellgħa mill-International Organisation of Needle and Bobbin Lace (OIDFA).
Il-programm għal din il-ġurnata kien jinkludi taħdita minn Consiglia Azzopardi li matulha għamlet referenza għal disinji li hija addottat mix-xempji qodma li jagħmlu parti mill-kollezzjoni ta’ Dun Ġużepp Diacono, li kien promotur ewlieni tax-xogħol tal-bizzilla f’Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en