IL-GVERN JGĦIN LILL-KUNSILLI LOKALI BIEX IWETTQU PROĠETTI FINANZJATI MILL-UE
F’sentejn kienu allokati qrib il-miljun ewro għal 42 proġett differenti
Il-Gvern qed jgħin fit-twettiq ta’ proġetti tal-Kunsilli Lokali li għalihom ikunu kisbu finanzjament Ewropew. Tul is-sentejn u nofs li għaddew il-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Kunsilli Lokali għen 42 proġett differenti b’€908,000. Dan il-Fond, imħaddem mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, hu maħsub biex jgħin lill-Kunsilli Lokali li jkunu kisbu finanzjament minn wieħed mill-programmi tal-Unjoni Ewropea u li jkunu jinħtieġu aktar finanzi biex ikopru l-persentaġġ li suppost jipprovdu huma u li normalment ikun ta’ mhux anqas minn 15 fil-mija mit-total tal-proġett.
Is-sena li għaddiet €502,556 kienu allokati għal 18-il proġett differenti. Din is-sena mill-Fond ta’ Ko-Finanzjament kienu allokati madwar € 406,000 għal 24 proġett differenti.
Id-dettalji ngħataw hekk kif is-Segretarju Parlamentari Chris Said ippreżenta 50 fil-mija tal-għotjiet finanzjarji lil seba’ Kunsilli Lokali differenti, lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL), lill-Assoċjazzjoni tas-Segretarji tal-Kunsilli Lokali Maltin (ASKLM), lill-Fondazzjoni Gozo Action Group (GAG), lill-Fondazzjoni GAL Xlokk u lill-Fondazzjoni GAL Majjistral li bejniethom qed jaħdmu fuq 14-il proġett.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said spjega li meta Kunsill Lokali jissottometti proġett għall-finanzjament taħt wieħed mill-programmi tal-Unjoni Ewropea, dan ikun jaf sa mill-bidu nett li jkun jista’ jakkwista sa 85 fil-mija tat-total tal-proġett. Dan ifisser ukoll li l-Kunsill Lokali jkun irid joħroġ il-bqija. B’xorti ħażina, sa ftit tas-snin ilu, ħafna ideat u proġetti tajbin kienu qed isiru b’diffikulta’ kbira għaliex għal numru ta’ Kunsilli Lokali Maltin mhux faċli jipprovdu l-bqija tal-finanzjament.
Kien propju għal din ir-raġuni li fl-2008, is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali kien waqqaf il-Fond ta’ Ko-Finanzjament tal-Kunsilli Lokali li permezz tiegħu l-Kunsilli Lokali jingħataw għajnuna finanzjarja li tkun tkopri parti sostanzjali minn dawk il-15 fil-mija li jkunu jridu joħorġu huma sabiex iwettqu l-proġett b’suċċess.
Il-Kunsilli Lokali li b’mod individwali llum ibbenefikaw mill-Fond ta’ Ko-Finanzjament huma dawk ta’ Pembroke u l-Mellieħa b’żewġ proġetti kull wieħed; u l-Isla, il-Birgu, in-Naxxar, il-Belt Valletta u Ta’ Kerċem bi proġett kull wieħed. Il-proġetti jinvolvu programmi ta’ appoġġ lill-SMEs, skambji kulturali u edukattivi, u t-tfassil ta’ strateġiji li jsaħħu l-prodott turistiku.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex jiffamiljarizzaw rwieħhom mal-għodda kollha li l-Gvern u entitajiet pubbliċi oħra qed ipoġġulhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’tali mod li jiggwadanjaw minnhom kemm jistgħu.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en