FABBRIKA TINVESTI BL-GĦAJNUNA TA’ FONDI EWROPEJ FIS-SETTUR TAL-MANIFATTURA B’VALUR MIŻJUD GĦOLI: EŻEMPJU PRATTIKU TAL-AMBIZZJONIJIET TA’ VIŻJONI 2015
“L-esperjenza tal-kumpanija Inspectra hija waħda ta’ suċċess u tirrappreżenta l-ambizzjonijiet tal-pajjiż għal Viżjoni 2015 u lilhinn: kumpanija li qed tinvesti f’manifattura ta’ valur miżjud ogħla, bl-użu ta’ fondi lokali u Ewropej u li toffri lill-ħaddiema tagħha kundizzjonijiet flessibbli biex jirnexxilhom jabbinaw b’mod aktar faċli l-karriera mal-familja.” Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt żjara fil-fabbrika ta’ Inspectra fiż-Żona Industrijali tal-Marsa fejn iltaqa’ ma’ wħud mill-aktar minn 200 ħaddiem ta’ din il-fabbrika, fil-maġġoranza tagħhom nisa.
Il-kumpanija Inspectra bdiet topera fl-2005 mill-Kordin Business Incubation Centre u kompliet tinvesti biex illum tinsab f’pożizzjoni li tattira xogħol mhux biss mill-manifattura aktar tradizzjonali, bħal dik tal-components tal-karozzi, iżda anke mill-industrija tal-farmaċewtika. Biex dan kien possibbli, sar investiment ta’ kwart ta’ miljun Ewro li għalihom il-kumpanija rnexxilha tikseb fondi Ewropej, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. L-investiment sar fi clean room li se tkun tista’ tilqa’ fiha xogħol marbut mal-industrija tal-farmaċewtika, l-industrija medika u setturi ta’ teknoloġija għolja.
Tonio Fenech spjega kif l-esperjenza li għaddiet minnha fl-aħħar sentejn din il-kumpanija huwa eżempju fil-prattika ta’ kif l-għajnuna li l-Gvern ta lill-fabbriki l-kbar tal-manifattura fl-eqqel tal-kriżi, ħalliet effett pożittiv fuq bosta kumpaniji oħra li ma kinux megħjuna direttament. Dan għaliex bl-intervent mhux biss ġew salvati l-5,000 post tax-xogħol mal-fabbriki l-kbar, iżda bosta aktar impjiegi, f’kumpaniji bħal Inspectra, li jipprovdu servizz lil dawk l-istess fabbriki. Il-Gvern, bl-assistenza tiegħu għen biex dawk l-istess fabbriki jinvestu u jħarrġu lill-ħaddiema tagħhom. Dan wassal biex fis-sena 2010 pajjiżna rreġistra żieda fl-esportazzjoni ta’ 30%.
Waqt preżentnazzjoni li saret matul din iż-żjara, tħabbar ukoll li Inspectra kisbet akkreditazzjoni ISO17025 biex tipprovdi kalibrazzjoni ta’ weighing scales/balances (imwieżen) mhux awtomatiċi li kif tħabbar fil-baġit iridu jibdew jiġu eżaminati kull ħames snin biex ikun żgurat li l-konsumatur jingħata dak li qed iħallas għalih.
Fil-konklużjoni tiegħu l-Ministru rringrazzja lill-Alfred Camilleri u Joseph Caruana, id-Diretturi tal-Kumpanija, għall-viżjoni tagħhom li wasslet biex il-kumpanija tagħhom tkompli tikber, tagħti kontribut importanti għat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi ta’ pajjiżna, kif ukoll lill-ħaddiema tagħha għall-isforzi li jagħmlu biex jassiguraw li din tibqa’ kompetittivà.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en