DISKORS MILL-ONOR. TONIO FENECH, MINISTRU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT, FIL-FTUĦ TAL-FIERA TAL-AMITEX – MALTA FAIRS AND CONVENTION CENTRE, TA’ QALI – IL-ĦAMIS, 14 TA’ APRIL 2011
Mistiednin distinti,
Sinjuri,
Huwa ta’ pjaċir għalija li ninawgura l-Fiera tal-Amitex għall-2011.
Qabel xejn, nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-MFCC tal-inizjattiva li jorganizzaw din il-konferenza huma, wara snin ta’ organizzazzjoni b’suċċess min-naħa tal-linja tal-ajru nazzjonali, l-Air Malta, li din is-sena hija sponsor ewlieni f’dan l-avveniment.
Dan l-avveniment jasal f’mument partikolari għas-settur tal-avjazzjoni u l-industrija tat-turiżmu ġenerali f’pajjiżna. Ikolli ngħid li l-perspettiva li qiegħed nintroduċi din il-fiera llum hija waħda li tiġbor fiha sentimenti mħalltin. Fuq naħa, għandna l-qagħda tas-settur tat-turiżmu f’pajjiżna, li minkejja l-klima ekonomika ċertament mhix favorevoli fl-Ewropa, qed jirreġistra riżultati mill-aktar sodisfaċenti. Fuq l-oħra, għandna r-realtà tal-linja tal-ajru nazzjonali, l-Air Malta, li propru f’dawn il-jiem għaddejja fl-aħħar fażi ta’ programm ta’ ristrutturazzjoni li huwa kruċjali għall-futur tal-eżistenza tagħha.
L-Amitex hija ċelebrazzjoni tal-ivvjaġġar u m’hemmx dubju li kemm minn aspett ta’ wasliet ta’ turisti, kif ukoll ta’ Maltin li qegħdin isiefru, ix-xejra hija waħda pożittiva, xhieda ta’ ritmu ekonomiku li tul l-2010 qabad ritmu ferm aktar mgħaġġel minn bosta kompetituri tagħna fl-Unjoni Ewropea. Is-sena li għaddiet rajna kull rekord jinqabeż – numru ta’ turisti, iljieli u nefqa.
Fl-2010, it-turisti qattgħu €11.1m lejl, żieda ta’ 12% u nefqu €1.127 biljun, żieda ta’ 22%. Iżda anke l-ewwel xahrejn ta’ din is-sena qed juru titjib fuq ir-riżultati eċċellenti li kiseb pajjiżna fl-2010. L-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li fi Frar 2011 in-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna kien ta’ 65,487 li jfisser żieda ta’ 23.6% fuq Frar 2010.
Dawn ir-riżultati jagħmlulna kuraġġ li l-politika ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż qed tirrendi. Iżda m’hemmx dubju li ma nistgħux nistrieħu fuq dawn ir-riżultati.
Il-kompetizzjoni fil-Mediterran, hija qalila aktar minn qatt qabel. M’għandix dubju li f’din l-istess fiera, wieħed se jkun jista’ japprezza x’għażla joffru l-pajjiżi li jdawru dan il-baħar u lil hinn. Għalhekk, f’dan is-sens, irridu napprezzaw dak li ksibna – li sewa l-prezz tiegħu – u nifhmu li dak l-investiment irid jibqa’ jsir. Hu għalhekk li nappella lil kulħadd, iżda b’mod partikolari lill-operaturi fl-industrija turistika biex jibqgħu jiġbdu ħabel wieħed mal-Gvern biex naħdmu flimkien ħalli nsostnu dawn ir-riżultati li jgawdu minnhom kulħadd.
Il-Gvern żied l-investiment fit-turiżmu billi żied il-vot finanzjarju tal-MTA minn €24.6 miljun fl-2008 għal €35 miljun din is-sena, żieda ta’ aktar minn għaxar miljun Ewro jew 40%. Dan barra diversi skemi biex l-istess lukandi jtejbu l-prodott tagħhom. Lill hinn mill-għajnuna diretta lis-settur, investejna kontinwament biex insebbħu l-prodott turistiku bi proġetti bħal Bieb il-Belt, ir-restawr ta’ sitt kilometri ta’ swar, it-tisbiħ ta’ numru ta’ pjazez ewlenin u t-tisbiħ f’numru ta’ żoni turistiċi differenti fost oħrajn.
Dan kollu jgħin biex mhux biss iġib lejn pajjiżna aktar turisti iżda turisti ta’ kwalità ogħla li jħallu ritorn aqwa għal-lukandi u r-ristoranti Maltin u Għawdxin. Iżda s-settur turistiku lokali jrid jilgħab il-parti tiegħu, miż-żamma u t-titjib ta’ kwalità għolja kemm tal-lukandi u r-ristoranti kif ukoll tas-servizz offrut.
Dan kollu huwa riżultat ta’ investiment qawwi mill-pajjiż u m’għandniex nassumu li dawn ir-riżultati se jiġu waħidhom. Għalhekk kull minn jiddependi mis-settur – il-Gvern, l-industrija tat-turiżmu, l-Air Malta u setturi ekonomiċi oħra għandhom jifhmu u japprezzaw li rridu nkunu lesti għall-flessibbiltà meħtieġa biex dejjem nirrispondu għall-bidliet li għaddejjin madwarna.
Kif aċċenajt aktar kmieni, kwistjoni importanti oħra hija dik dwar l-Air Malta. Il-parteċipazzjoni b’saħħitha tal-linja tal-ajru Maltija f’din il-fiera hija xhieda qawwija tal-konvinzjoni tagħna li l-kumpanija għandha futur x’toffri għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Għedniha kemm-il darba li l-Air Malta hija strument krucjali mhux biss fl-industrija importanti tat-turizmu izda f’kull settur ekonomiku tal-pajjiz. U hu proprju għalhekk li l-Gvern huwa determinat li jagħmel dak kollu possibli, dejjem fil-parametri legali li jippermettulna r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea, sabiex nassiguraw il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru tagħna.
Il-Gvern mhux biss irid li l-Air Malta tkun f’pożizzjoni li tkompli taħdem illum u u fil-futur, iżda jrid ikun ċert li l-passi kollha meħtieġa jittieħdu b’mod li niżguraw li l-mudell li fuqu qed topera l-Air Malta huwa vijabbli u sostenibbli fuq medda ta’ zmien. Kritika inġusta li f’dan l-aħħar żmien saret fil-konfront tal-Air Malta kienet li qed tirristruttura ruħha tard wisq. Dan mhux minnu. Fis-snin li għaddew saru bidliet u sforzi kbar b’reazzjoni għall-iżviluppi li seħħew fis-settur tal-avjazzjoni speċjalment wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001, li ma ninsewx wasslu ismijiet kbar fis-settur tal-avjazzjoni biex jagħlqu l-bibien tagħhom.
Madankollu, l-isfidi komplew jiżidiedu, bl-effetti tal-krizi finanzjarja u tar-riċessjoni qalila fl-Ewropa kif ukoll l-instabbiltà tal-Isterlina. Ma ninsewx il-prezz taż-żejt. Għamilna żmien, insejħulha “il-kriżi taż-żejt”. Iżda llum, li jkollok il-prezz taż-żejt ferm ogħla mill-mitt dollaru l-barmil m’għadhiex eċċezzjoni, m’għadhiex kriżi, imma realtà kostanti. Kienet biss il-kriżi ekonomika u finanzjajra li tatna ftit tan-nifs minn dan il-lat matul is-sena li għaddiet, iżda l-rkupru li qed naraw fil-bidu ta’ din is-sena, flimkien mal-kriżijiet fin-naħa ta’ fuq tal-Afrika iżda anke fil-Lvant Nofsani, komplew ipoġġu pressjonijiet fuq il-produzzjoni taż-żejt. Dan huwa ta’ sfida kbira kemm għalina bħala pajjiż li nimpurtaw l-enerġija kollha li nikkunsmaw, iżda huwa piż qawwi fuq is-settur tal-avjazzjoni.
Fl-Ewropa, f’dawn l-aħħar snin rajna wkoll fattur ieħor li bidel darba għal dejjem is-suq tal-avjazzjoni. Qed nirreferi għar-realtà u għas-success kbir li kisbu l-low cost carriers fl-Ewropa. Kif kelli l-okkażjoni ngħid f’numru ta’ okkażjonijiet oħra, bl-ebda mod ma rrid ngħid li l-ftuħ tal-bibien għal-low cost kien xi żball. Ir-riżultati pożittivi fuq l-ekonomija u fuq il-pajjiż, li kienu konsegwenza diretta tal-introduzzjoni tagħhom, u iva anke tal-kontribuzzjoni importanti ħafna tal-Air Malta, qed narawhom.
Iżda r-realtà hi li dawk l-isfidi li forsi kienu temporanji sa ftit taż-żmien ilu, illum saru permanenti. Ix-xenarju tas-settur tal-avjazzjoni nbidel kompletament fi ftit snin. L-Air Malta mhix eccezzjoni. Linji tal-ajru kbar fl-Ewropa għaddew minn sitwazzjonijiet simili. Uħud minnhom fallew. Iżda oħrajn, ħadu deċiżjonijiet forsi iebsin iżda kuraġġjużu u llum qed jaraw ir-riżultati u jgawdu mill-frott tad-deċiżjonijiet li ħadu.
Kien għalhekk li l-Gvern iddikajra li lest jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn, bl-għajnuna tal-esperti internazzjonali b’esperjenza kbira fir-ristrutturar. Ebda konsiderazzjoni m’hu qed tiġi injorata: Il-profittabilità tar-rotot, l-aħjar użu tal-flotta tal-ajruplani, il-prodott, ħinijiet, frekwenzi, servizzi. Iżda anke aspetti anċillari iżda kruċjali ta’ kuntratti li l-kumpanija għandha ma’ fornituri ta’ servizzi differenti, biex nassiguraw tassew li dawn jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-Air Malta.
Għalhekk hawn ukoll, nappella għall-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, b’mod partikolari r-rappreżentanti tal-Unions differenti rappreżentati fuq il-Kumitat ta’ Ristrutturar u l-istakeholders kollha li jiddependu mill-Air Malta, biex flimkien nippreżentaw pjan b’saħħtu. Dawn ic-cirkostanzi jitfgħu piż kbir fuq kulħadd. Mhux il-Gvern jew il-ħaddiema biss ma jaqbililhomx li l-Air Malta tfalli, iżda l-pajjiż kollu.
Sinjuri,
Nixtieq nagħlaq b’nota aktar pożittiva. Tul id-diskors tiegħi tkellimt aktar fuq l-industrija tat-turiżmu mis-sens ta’ turiżmu lejn Malta. Iżda ma ninsewx li s-sena 2010 kienet waħda tajba ħafna anke f’dak li huwa s-safar tal-Maltin. B'kollox tul is-sena l-oħra n-nies li siefru għal vakanza jew fuq xogħol kienu jammontaw għal 294,053, li jfisser żieda ta' 11% fuq l-2009.
Dan huwa wkoll frott ta’ ekonomija li fl-2010 reġgħet bdiet tikber, toħloq aktar xogħol u tiġġenera l-ġid. Ma jfissirx li l-inkwiet għadda kollu, iżda hawn ukoll, irridu napprezzaw li dan kien possibbli għax bħala pajjiż, għamilna sagrifiċċji flimkien li qed jirrendu.
Mill-ġdid nirringrazzja lill-MFCC tal-istedina tagħhom u nawguralkom kull suċċess għal din il-Fiera. Grazzi.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en