KUNCERT B’KOMMEMORAZZJONI TAL-50 SENA ANNIVERSARJU MILL-MEWT TAL-POETA NAZZJONALI, DUN KARM PSAILA
Fit-28 ta’ April, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ser jorganizza kunċert bit-tema ‘Tina l-ħlewwa, mill-Kor Laudate Pueri b’kommemorazzjoni tal-50 sena Anniversarju mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila.
F’dan il-kunċert li ser isir fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-Kor Laudate Pueri taħt id-direzzjoni ta’ Dun George Joseph Frendo ser ikantaw tmien innijiet miktuba minn Dun Karm b’muzika ta’ diversi kompożituri Maltin, fosthom Giuseppe Caruana, Casapinta, Moreau, Vella u Sammut.
F’dan il-kunċert ser jinqraw wkoll siltiet mill-poezija ta’ Dun Karm, Il-Jien u lil hinn minnu u se jsir diskors mill-Prof. Oliver Friggieri biex ifakkar lil Dun Karm.
F’din l-okkazjoni ser tiġi mnedija CD bl-istess tema, li ser tkun qed tinkludi 11-il innu miktuba minn Dun Karm fosthom il-poezija l-Innu ta’ Ferħ li gie mmużikat mill-Prof Joseph Vella għal din il-kommemorazzjoni. Minbarra hekk, Prof Vella għamel ukoll l-arranġamenti kollha tal-innijiet li ġew irrekordjati. Ir-recording ta’ dan is-CD sar mill-Kor Laudate Pueri fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, Ghawdex.
Il-Kor Laudate Pueri, kien imwaqqaf fil-bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex fl-1976 mill-ex-Arcipriet Mons. Joseph Farrugia huwa kompost minn madwar 50 membru. Il-Kor għandu reputazzjoni importanti fil-qasam tal-interpretazzjoni tal-muzika sagra. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-korijiet Maltin ifforma ruħu anke bħala kor b’erba’ vuċijiet femminili. Għamel successi sew f’Malta kif ukoll barra minn xtutna – ta’ min isemmi kunċerti fil-Lincoln Centre, New York, St Martin in the Fields, Londra, Les Invalides ġewwa Parigi minbarra li kanta waqt Quddies f’postijiet ċelebri bħall-Bażilika ta’ San Pietru, Ruma, Westminster Cathedral, Londra u oħrajn. Id-direttur tal-kor huwa Rev George Frendo.
Dawk li huma interessati jattendu dan il-kunċert, minħabba n-numru limitat ta’ postijiet, huma mitluba jagħmlu kuntatt mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fuq 2200 1464 jew jibgħatu email fuq communications.opm@gov.mt
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en