TIFKIRA TAL-50 ANNIVERSARJU MIT-TWAQQIF TAL-KUNSILL ĊIVIKU GĦAL GĦAWDEX
Waqt ċerimonja li saret fil-Banca Giuratale fir-Rabat f’Għawdex ingħata bidu għal sensiela ta’ attivitajiet li se jsiru biex jitfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsill Ċiviku għal Għawdex, li jista’ jitqies bħala wieħed mill-passi istituzzjonali l-aktar importanti fit-tmexxija lokali fil-gżejjer Maltin. L-attivitajiet qed ikunu organizzati fuq inizjattiva tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali, u Konsultazzjoni Pubblika.
Il-Kunsill Ċiviku għal Għawdex kien introdott b’Ordinanza XI fl-14 ta’ April 1961, u kien fisser l-aħjar tip ta’ Gvern Lokali possibbli sa dak iż-żmien. Imwaqqaf formalment fl-10 ta Lulju 1961 u magħmul minn 15-il kunsillier fosthom Dr Anton Tabone bħala President u s-Sur Anton Buttigieg bħala Viċi-President, il-Kunsill kien jeżerċita kontroll effettiv fuq l-amministrazzjoni u fuq l-ekonomija tal-gżira Għawdxija. Dam jiffunzjona 12-il sena sakemm kien xolt fl-1973.
Għaċ-ċerimonja attendew l-Isqof t’Għawdex Mario Grech, l-Assistant Parlamentari, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Frederick Azzopardi, il-President tar-Reġjun t’Għawdex Samuel Azzopardi, Sindki u anki rappreżentanti tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex.
F’diskors is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Kunsill Ċiviku kien strumentali fit-titjib ġenerali u fl-immodernizzar tal-gżira tagħna. Fost l-oħrajn ħa deċiżjonijiet li permezz tagħhom poġġa l-pedamenti tal-infrastruttura u tal-ekonomija Għawdxija Ħadem qatigħ biex tejjeb il-qafas tat-toroq u s-servizz tal-ilma, dawl, elettriku u d-dranaġġ, żviluppa faċilitajiet edukattivi u sportivi, u bdiet ħidma biex tinbet l-industrija tat-turiżmu. Il-Kunsill Ċiviku ħa diversi inizjattivi biex jagħti spinta lill-industrija tat-turiżmu li kienet għadha fil-bidu tagħha, u anki lill-qasam edukattiv.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dan ix-xogħol kollu u aktar sar tul is-sittinijiet li għal Għawdex, bħal fil-każ ta’ Malta, kienu żminijiet ta’ boom. L-Indipendenza li l-gżejjer Maltin kisbu fl-1964 fissret li Malta u Għawdex issa bdew ifendu għal rashom anki fil-qasam ekonomiku u bdiet il-ħidma biex jitqiegħdu l-pedamenti tal-industrija tat-turiżmu u ngħata bidu għal diversi proġetti infrastrutturali ta’ importanza liema bħalha.
Fil-fatt il-Kunsill Ċiviku għal Għawdex kien ikkampanja bis-sħiħ:
• Biex inbena l-breakwater tal-Imġarr – flok wieħed eventwalment inbnew tnejn u l-port tkabbar;
• Biex tinbena żona industrijali fil-limiti tar-Rabat – hawnhekk, bejn l-1969 u l-1971, inbnew tmien fabbriki li offrew impjieg lil mijiet ta’ Għawdxin;
• Biex inbena l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’faċilitajiet diversi u li wasslu biex pazjenti Għawdxin ma jkollhomx għalfejn jintbagħtu Malta jekk mhux f’każi estremi;
• U biex jinbena qasam tad-djar f’Taċ-Ċawla fir-Rabat - dan il-proġett tlesta f’nofs l-1971.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said ikkwota mill-ktieb tar-Reverendu Joseph Bezzina li jsostni li kienu dawn il-proġetti li taw spinta lil Għawdex. U l-mertu għandu jieħdu l-Kunsill Ċiviku għal Għawdex li għaraf jikkonvinċi lill-Gvern ta’ Malta, dwar l-importanza ta’ proġetti bħal dawn.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li Għawdex għamel l-akbar avvanzi meta l-Għawdxin kellhom sehem ewlieni fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar affarijiet li l-aktar jolqtuhom mill-qrib. Hekk ġara meta kien jiffunzjona l-Kunsill Ċiviku, meta Għawdex ngħata Ministeru, u meta kienu introdotti l-Kunsilli Lokali.
Bejn illum u l-10 ta’ Lulju li ġej, il-jum li fih ħamsin sena ilu beda jaħdem uffiċjalment il-Kunsill Ċiviku, se jkunu qed jittellgħu konferenza dwar Għawdex Reġjun, se ssir wirja dwar il-ħidma tal-Kunsill Ċiviku, u se jkun pubblikat ktieb dwar is-sens tal-Kunsill Ċiviku, l-istorja tiegħu u l-inizjattivi li ħa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en