Left arrow Mur Lura

VETRINA TA’ TALENTI STUDENTESKI U RIKONOXXIMENT MISTĦOQQ GĦALL-GĦALLIEMA

pr0739
Date Icon 14/04/2011

Is-serata skolastika li nżammet fis-sala tal-Ministeru għal Għawdex, kienet waħda li tat xhieda qawwija tal-kompetenzi u s-suċċessi relatati ma’ karrieri li rnexxielhom  jiksbu bosta studenti Għawdxin li qed jattendu jew kienu jattendu korsijiet fl-iskola post-sekondarja Sir M’Anġ Refalo ġewwa Victoria Għawdex. Il-programm ta’ madwar sagħtejn kien mogħni b’esperjenzi attwali ta’ numru ta’ professjonisti li sa ftit snin ilu kienu jattendu lezzjonijiet fil-bankijiet ta’ dan iċ-ċentru uniku f’Għawdex u llum qed isegwu diversi karrieri għas-servizz tas-soċjetà Maltija u Għawdxija.

Dawn kienu jinkludu għalliem li hu wkoll kittieb prolifiku, Patri missjunarju li hu wkoll direttur ta’ istitut, ex-studenta li llum hi spettur tal-pulizija, żewġ tobba,  awditur, restawratur, Direttur Maniġerjali ta’ kumpanija ewlenija fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel flimkien ma’ ex-studenta li wettqet xogħol bħala osservatur tal-Commonwealth fir-Rwanda.  Ħames studenti li qed jattendu korsijiet f’dan iċ-ċentru esegwew diversi siltiet mużikali filwaqt li oħra qrat poeżija bil-Malti li nkitbet minn għalliem tal-ingliż is-sur Frank Muscat bħala memorja ta’ għalliem ieħor, Paul Spiteri. Dan kien mument kommoventi li fakkar għalliem rispettat minn diversi ġenerazzjonijiet ta’ studenti Għawdxin li għaddew minn din l-iskola.

Il-Kap attwali taċ-Ċentru għal Studji Ogħla Sir M’Anġ Refalo faħħar l-inizjattiva tas-sur Daniel James Cassar, wieħed mill-Assistenti Kapijiet li kien ukoll ko-ordinatur tas-serata li ġiet ippreżentata mis-sur Charles Abela Mizzi.  Għaliha attendew għalliema, studenti, ġenituri u personalitijiet Għawdxin li bil-preżenza tagħhom taw rikonoxximent mistħoqq lil din l-iskola ewlenija f’Għawdex. F’dawn l-aħħar snin in-numru ta’ studenti Għawdxin li qed ikomplu bl-istudji post sekondarji żdiedu u jlaħħqu medja ta’ aktar minn 600 kull sena. Bosta minnhom ikomplu bl-istudji terzjarji jew studji oħra f’Malta u għalhekk din l-iskola tfisser l-aħħar fażi tal-edukazzjoni tagħhom fil-gżira ta’ Għawdex.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, attendiet għal din l-attività li hija fissret bħala rikonoxximent tal-investiment u l-ħidma li saret u għadha ssir minn dawk li huma involuti fil-qasam edukattiv f’Għawdex. Dawk li pparteċipaw huma kampjun magħżul minn numru ferm akbar ta’ studenti li għaddew minn din l-iskola u llum jokkupaw karigi u rwoli importanti f’kull qasam tas-soċjetà kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.

Fit-tmiem tas-serata ġie inawgurat organu rappreżentattiv tal-istudenti li jattendu dan iċ-ċentru. Il-kumitat eżekuttiv tal-grupp ‘Students’ Voice’ ser ikun magħmul minn ħames membri u ser ikun qed jippromwovi attivitajiet fost l-istudenti kollha. 

Is-soireè ecoliere kienet iddedikata lil dawk l-amministraturi, għalliema, staff, studenti u ġenituri kollha li matul is-snin taw kontribut bil-moħħ u l-ħila f’kuntest edukattiv sabiex jassiguraw li jintlaħaq u jinżamm livell ta’ eċċellenza fit-tagħlim fiċ-ċentru Sir M’Anġ Refalo, livell li ggarantixxa suċċessi fil-kamp tax-xogħol għal bosta studenti kemm f’Malta u Għawdex kif ukoll lil’hinn minnhom.

Mingħajr dubju s-serata kienet mera ta’ passat mimli suċċess għal din l-iskola post-sekondarja u tas-sehem importanti li tat lis-soċjetà ta’ pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow