BIX-XOGĦOL NINVESTU F’SOĊJETA’ B’SAĦĦITHA, GĦALIK – IMĦABBRA AKTAR PROĠETTI FIL-BIRGU U FIL-25 TA’APRIL SE TINFETAĦ SKEMA LI TOFFRI GĦAJNUNA FUQ XIRI TA’ SOLAR WATER HEATERS
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino, ippreżenta r-rapport li jelenka l-ħidma ewlenija li twettqet mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali f’din it-tielet sena tal-Gvern.
Il-konferenza tal-aħbarijiet seħħet fil-Birgu fejn il-Ministeru qed iwettaq proġett ieħor f’din il-lokalità. Fid-daħla tal-Birgu qed terġa tinbena ħnejja fil-faċċata tal-Bastjun ta’ San Ġwann. Il-ħtieġa ta’ triq ġdida u adegwata li tagħti għal ġol-Birgu, biex taqdi t-traffiku fil-perjodu ta’ wara l-aħħar gwerra, kienet issarfet fi tkissir sostanzjali tas-Sur ta’ San Ġwann. Il-bini tat-triq wassal biex dan il-Bastjun tant prinċipali fis-sistema tas-swar tal-Birgu spiċċa maqsum f’żewġ biċċiet mingħajr l-ebda konnesjoni fiżika bejniethom. B’hekk kemm il-Bastjun, id-dehra tas-swar tal-Birgu u l-linja tas-swar tilfet il-kontinwità tagħha. Il-bini tal-arkata, kien maħsub biex jerġa’ jintroduċi dan is-sens ta’ kontinwità fil-linja tas-swar u jerġa’ jgħaqqad il-bastjun biex eventwalment iservi ta’ mixja madwar din il-Belt storika.
Ix-xogħol li qed iseħħ fil-Birgu huwa parti integrali mill-programm estentiv ta’ restawr li dan il-Gvern beda jwettaq. Restawr ta’ 6km tas-Swar fil-Birgu, iċ-Ċitadella, il-Belt Valletta u l-Imdina. Dan ix-xogħol qed isir b’investiment ta’ €36 miljun. Fil-Birgu permezz ta’ dan ix-xogħol ta’ restawr se jingħata wkoll spazju miftuħ għar-rikreazzjoni. Fl-aħħar xhur twaqqa’ dak li kien l-Oil Depot biex f’dik iż-żona jsir ukoll proġett ta’ tisbiħ.
Il-Ministru Pullicino ħabbar li fil-ġranet li ġejjin se jinħarġu t-tenders biex ikun jista’ jingħata bidu għall-proġett tal-pavimentar tat-toroq kollha tal-aktar parti antika tal-Birgu, dik li tissejjah il-Collachio. Dan il-proġett se jinvolvi wkoll it-tneħħija ta’ gallarijiet, twieqi u gradi tal-aluminju biex ikunu sostitwiti b’oħrajn tal-injam, filwaqt li jitneħħa madum taċ-ċeramika minn mal-faċċati.
F’dawn l-aħħar tlett snin bejn b’dawn il-proġetti ta’ restawr u proġetti ta’ tisbiħ il-Ministeru wettaq xejn anqas minn 75 proġett.
Saru numru ta’ proġetti bl-għan li jingħataw aktar spazzji miftuħa għar-rikreazzjoni tal-familji. Fost dawn il-proġetti sar
• Park ġdid fi Xrobb l-Għaġin, Marsaxlokk,
• Issebbħu l-Promenades ta’ Qui Si Sana u Marsaxlokk,
• Ġnien ġdid fi Qui Si Sana,
• Adventure Park f’Ta Qali
• Pjazza San Ġorġ fil-Belt
Il-Gvern f’dawn l-aħħar 3 snin kompla bir-rivoluzzjoni siekta fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart.
Din l-aħħar sena ta’ ħidma tibqa’ mfakkra għall-ftuħ tal-kumpless ta’ Sant’Antnin. Permezz tal-investiment ta’ €27 miljun li sar f’dan il-kumpless qed tkun iġġenerata l-enerġija nadifa mill-iskart, filwaqt li kwazi 800 container (tal-40 pied) ta’ skart qed ikun esportat fis-sena; materjal li sa ftit tas-snin ilu kien jintefa’ fil-mizbla.
Matul is-sena l-oħra:
• inġabar kważi d-doppju ta’ skart isseparat mid-djar minn dak li nġabar fl-2008;
• inbidlu l-miżati tal-landfills sabiex ikun inċentivat aktar is-separazzjoni tal-iskart.
Għaddej il-proċess biex il-miżbliet il-magħluqa tal-Magħtab, Qortin u Wied il-Għajn jinbidlu f’Parks b’investiment ta’ €28 miljun.
• ġew trattati mal-130 miljun metru kubu ta’ gass mill-Magħtab;
• bit-trattament li qed issir mill-Magħtab inżammu milli joħorġu fl-arja mal-50,000 tunnelata ta’ CO2.
F’Ġunju tal-2010 tressqet fil-Parlament l-ewwel reviżjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-immaniġjar tal-iskart solidu, biex pajjiżna jiġġenera aktar enerġija nadifa mill-iskart.
Bis-suċċess miksub fl-immaniġġjar tal-iskart naqas ħafna l-iskart mormi fit-toroq u l-kampanja. Biss xorta l-Gvern qed iżid l-isforzi kollha tiegħu sabiex pajjiżna jkompli jkun aktar nadif.
F’dan il-kuntest:
• inxtara aktar makkinarju għad-Dipartiment tal-indafa pubbliku;
• komplew isiru kontenituri ġodda għar-rimi ta’ skart isseparat fuq il-bajjiet;
• b’kordinament tal-PARKS unit tneħħew mal-50 tunnellata ta’ tankijiet mill-kampanija.
Barra hekk biex tkompli titjieb id-dehra ta’ pajjizna:
• permezz tal-konsorzju ELC tħawlu xejn anqas minn 1.75 miljun pjanta;
• tħawwlu eluf ta’ sigar biex s’issa minn mindu bdiet il-kampanja 34U tħawwlu ‘l fuq minn 100,000 siġra.
Matul l-aħħar sena tkompliet il-ħidma favur konsum aktar responsabbli tal-energija u l-generazzjoni ta’ energija nadifa bħala parti mill-politika tal-Gvern għat-Tibdil fil-Klima.
Wara li tfasslet l-istrateġija ta’ mitigazzjoni għal-Bidla fil-Klima, twettaq proċess ta’ konsultazzjoni wkoll fuq l-istrateġija tal-Adattament għal-Bidla fil-Klima, liema strateġija se tkun finalizzata sal-bidu ta’ Lulju.
Il-Gvern hu mpenjat li jiġġenera aktar enerġija nadifa f’pajjiżna mill-iskart, mix-xemx u mir-riħ:
• mill-istudji preliminarji li qed isiru fuq il-livelli tar-riħ permezz ta’ Wind Monitoring Mast fl-Aħrax tal-Mellieħa, jidher li l-ammont tar-riħ fiż-żona tas-Sikka l-Bajda, sit propost għal wind farm, huwa biżejjed biex tiffunzjona wind farm;
• qed issir ħidma biex b’aktar panelli fotovoltajiċi tkun iġġenerata l-enerġija mix-xemx.
• f’dawn l-aħħar 3 snin ġew mgħejjuna madwar 7,000 familja li nvestew f’tagħmir li jgħinhom inaqqsu l-konsum jew jiġġeneraw l-enerġija;
F’dan il-kuntest il-Ministru ħabbar li mill-25 ta’April l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi se tibda tilqa’ l-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna fuq xiri ta’ Solar Water Heaters għal użu domestiku. Din l-iskema hi miftuħa għal kulħadd u se tkun qed toffri għotja ta’ 40% sa massimu ta’ €400. Hu maħsub li se jibbenefikaw mal-2,000 familja b’investiment tal-Gvern ta’ €800,000;
• Is-sena l-oħra twaqqfet sistema ta’ feed-in-tariff għal dawk li jiġġeneraw l-enerġija minn panelli fotovoltajiċi. Saret feed-in-tarrif aktar vantaġjuża għall-Għawdxin bħala parti mill-viżjoni eko-Għawdex;
• Ġew irreġistati mal-162 assessur biex jinħarġu ċertifikati fl-użu tal-effiċjenza fl-enerġija tal-bini;
• F’din is-sena wkoll twaqqaf kumitat sabiex joħroġ bi strateġija għall-introduzzjoni ta’ vetturi elettriċi f’Malta;
• Intlaħaq ftehim mal-Portugall fil-qasam tal-mobilità elettrika biex fix-xhur li ġejjin jibda jsir ix-xogħol fuq l-infrastruttura neċċessarja għall-introduzzjoni ta’ vetturi elettriċi;
Il-Ministru Pulliċino semma wkoll li “Riżorsa oħra li rridu lkoll kemm aħna napprezzaw aktar huwa l-ilma. Biex nilħqu dan l-għan bdejna bl-installazzjoni tal-meters ma’ kull borehole u spiera. Ġie mfassal ukoll programm ta’Azzjoni għan-Nitrati wara proċess ta’ konsultazzjoni li għandu l-għan li jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma kkawżat minn nitrati. Permezz tal-proġett tal-ġlieda kontra l-Għargħar, liema proġett se jqum mal-56 miljun Euro b’fondi tal-Unjoni Ewropea, se nkunu qed nirduppjaw il-volum tal-ilma maħżun f’pajjizna.”
Qasam ieħor li l-Gvern tah importanza kbira matul is-sena li għaddiet kien dak tal-Ħarsien tal-Annimali. F’Ottubru li għaddha ġie inawgurat Ċentru San Franġisk għall-ħarsien tal-annimali. Ċentru, li qed joffri kura u servizz ta’ after care 24 siegħa kuljum Ħdud u Festi nklużi. Fil-ġranet li ġejjin se jkun ippublikat l-avviż legali li jistabbilixxi l-obbligu li kull kelb f’Malta u Għawdex irid jiġi microchipped.
Qasam ieħor importanti li fiħ qed issir bidla radikali hu s-settur tal-Agrikoltura.
• komplew jinħarġu aktar skemi marbuta mal-Fond Ewpropej tas-Sajd 2007 – 2013;
• is-sena li għaddiet l-Aġenzija għall-Pagamenti ħallset ‘il fuq minn €27 miljun f’għajnuniet lill-bdiewa u r-raħħala;
• mill-Pjan għall-Iżvillupp Rurali ġew allokati wkoll €13-il miljun għal proġetti f’22 lokalità b’rabta mal-agrituriżmu;
• tkompliet il-kampanja favur il-konsum ta’ dak kollu li hu Naturalment Malti;
• inbeda l-ewwel suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali;
• għaddejjin 20 proġett ta’ riċerka fl-Għammieri;
• inbdiet ir-riforma tal-pitkalija, bil-għan li titjieb it-trasparenza fl-operat u jitjieb id-dħul tal-bidwi;
• ġew investiti €2miljun fuq diversi xogħlijiet strutturali fil-Biċċerija;
• sar investiment ta’ €3 miljun biex titjieb il-merħla tal-ħalib, illum f’pajjiżna għandna anqas baqar, iżda produzzjoni akbar ta’ ħalib;
• bdiet skema ta’ branding fuq il-Majjal ta’ Malta.
• Malta tinsab fuq quddiem nett fir-riċerka li qed issir fiċ-Ċentru tal-Akwakultura f’San Luċjan fuq it-tkabbir tal-Aċċol.
Il-Ministru Pullicino irringrazzja lil Assistent Parlamentari Philip Mifsud li qed jagħmel xogħol siewi b’risq is-settur agrikolu, lis-Segretarju Permanenti, lid-Diretturi Genrali, u l-ħaddiema li b’dedikazjoni jagħmlu xogħolhom b’dover lejn pajjiżhom.
Il-Ministru temm jgħid li; “Qed nagħmlu ħidma siewja li qed tagħti l-frott. Dan kollu li sar ipoġġi quddiemna sfidi kbar għal quddiem biex inkomplu nibnu fuq dak li għamilna. Nemmen li flimkien kapaċi ndawru l-isfidi li għandna quddiemna bħal ma huma l-isfidi li jġib miegħu t-tibdil fil-klima, f’aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Għalaqna t-tielet sena ta’ ħidma ta’ dan il-Gvern. Sena li għall-Ministeru li mmexxi jien offriet aktar proġetti ta’ tisbih, aktar spazji pubbliċi għat-tgawdija tal-familji, aktar ħidma favur il-ħarsien tar-riżorsi ta’ pajjiżna, investiment qawwi fis-settur agrikolu. Dan kollu sabiex flimkien inkomplu nibnu soċjetà b’saħħitha. Flimkien, qed jirnexxielna b’mod tangibbli ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies”.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en