RIĠENERAZZJONI F’OQSMA TA’ BINJIET TAL-GVERN
Ħdax-il-Kunsill Lokali iffirmaw ftehim mal-Awtorita’ tad-Djar biex jingħataw fondi biex isir titjib fil-partijiet komuni ta’ binjiet tal-Gvern, biex jissebbaħ l-ambjent taż-żona u biex isiru programmi edukattivi għall-komunitajiet li jgħixu fihom.
Dan hu parti minn programm mifrux fuq sitt snin li mistenni jilħaq il-lokalitajiet kollha fejn hemm żoni ta’ residenzi tal-Gvern b’nefqa ta’ aktar minn €10 miljun.
F’ċerimonja li saret dalgħodu f’wieħed mill-oqsma tad-Djar tal-Gvern f’San Ġwann, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina fakkret li f’Novembru li għadda tniedew żewġ skemi flimkien mal-Awtorita’ tad-Djar u l-Kunsilli Lokali bl-iskop li ntejbu l-ambjent fejn hemm binjiet tal-Gvern u jkunu offruti programmi li jgħinu lir-residenti f’dawn il-binjiet biex jiksbu ħiliet li jgħinuhom tul il-ħajja. Illum, erba’ xhur biss wara t-tnedija ta’ dawn l-iskemi qegħdin hawn biex nibdew nattwawhom b’nefqa ta’ €1.67 fis-sena għas-sitt snin li ġejjin.
Il-Gvern jemmen li ċ-ċittadini jixirqilhom kwalita’ ta’ ħajja aħjar. U l-kwalita’ tal-ħajja nistgħu ntejjbuha billi nirranġaw u nsebbħu l-ambjent fiżiku li fih ngħixu imma fuq kollox billi lkoll ikollna ħiliet li jgħinuna nimxu ‘l quddiem u navanzaw fil-ħajja. Iż-żewġ skemi huma maħsuba biex jissodisfaw dawn iż-żewġ ħtiġijiet.
Imferrxa ma’ Malta u Għawdex, il-Gvern, permezz tal-Awtorita’ tad-Djar għandu 1,208 blokok ta’ appartamenti fi 52 lokalità. Hu evidenti li ma jistax ikun li jsir xogħol fuq dawn il-postijiet kollha f’daqqa u għalhekk hu mifrux fuq medda ta’ sitt snin. F’din l-ewwel sena se jsiru xogħlijiet b’Birżebbuġa, fir-Rabat Għawdex, il-Gudja, Ħal Luqa, il-Mellieħa, Ħal Kirkop, Ħal Qormi, Santa Luċija, il-belt Valletta, il-Birgu u San Ġwann.
Il-Ministru Cristina stqarret li bħala Ministru responsabbli kemm għall-akkomodazzjoni soċjali kif ukoll għall-edukazzjoni, dawn iż-żewġ skemi kienu verament għal qalbha għax temmen li meta l-ambjent li fih wieħed jgħix ikun miżmum tajjeb, ir-residenti jkunu kuntenti u jkun hemm anqas problemi soċjali.
Mill-proġetti sottomessi mill-Kunsilli Lokali u aċċettati mill-Awtorità tad-Djar, meta jitwettqu wieħed jistenna mhux biss tibdil fl-ambjent fiżiku tal-binjiet li fihom se jsir ix-xogħol imma wkoll bidla oħra importanti li tkun riżultat tad-diversi programmi edukattivi li huma mfassla li jsiru fl-istess binjiet fejn ikun qed isir ix-xogħol.
Il-programmi edukattivi huma maħsuba kemm għat-tfal, għall-adulti kif ukoll għall-anzjani. Fost dawn insibu homework clubs għat-tfal, korsijiet fid-drama u fil-kompjuter kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, korsijiet f’diversi snajja’ tal-artiġġjanat, attivitajiet sportivi, korsijiet dwar it-trobbija tat-tfal, taħditiet dwar il-prevenzjoni mill-abbuż tad-droga u l-kriminalità, korsijiet fil-kisba ta’ ħiliet fil-litteriżmu u saħansitra kors biex il-barranin jitgħallmu l-Malti.
Il-Ministru qalet li ma kellha ebda dubju li jekk ir-residenti jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet, żgur li minnhom se joħroġ ħafna ġid li jħallilhom sodisfazzjon kbir.
It-tieni skema se tidħol fil-binjiet partikolari. Sfortunatament, sal-lum ħafna għadhom iqisu li huma responsabbli biex iżommu fi stat tajjeb, mill-bieb tal-appartament tagħhom il-ġewwa biss. Din il-mentalita’ trid tinbidel. Il-partijiet komuni tal-binja fejn hemm l-appartamenti huma wkoll responsabbilta’ ta’ min jgħix fihom. Inutli li jkollok appartament miżmum xummiema jekk biex tasal fih trid tgħaddi minn telqa kbira.
Għalhekk tagħmel ħafna sens il-kampanja li se tniedi l-Awtorità tad-Djar flimkien mal-Kunsilli Lokali bit-tema “Il-Binja Tiegħi – id-Dar Tiegħi”. Din il-kampanja trid twassal biex f’kull binja titwaqqaf l-Għaqda tar-Residenti biex dawk li jgħixu fil-post iħossuhom responsabbli li anke l-partijiet komuni jridu jieħdu ħsiebhom.
L-Għaqda tar-Residenti għandha sservi wkoll biex l-inkwilini ta’ kull blokka jkunu jistgħu jwasslu l-ilmenti u s-suġġerimenti tagħhom dwar kif il-binja u l-ambjent li jgħixu fih jistgħu jkomplu jissebħu u jitħarsu minn vandaliżmu u ħsarat oħra.
Il-Ministru Cristina sostniet li biex dawn l-iskemi jirnexxu hemm bżonn il-kooperazzjoni ta’ kulħadd. Il-Gvern u l-Awtorita’ tad-Djar huma sodisfatti bl-impenn qawwi li urew u qed juru l-Kunsilli Lokali fit-tmexxija ta’ dawn l-iskemi. Jonqos il-parteċipazzjoni tar-residenti. Wieħed jittama li dawn japprezzaw li l-ħidma li se ssir hi fuq kollox fl-interess tagħhom. Għalhekk jekk l-Awtorita’ tara li ma hemmx interess mir-residenti, mhux se tinvesti flus fil-binjiet tagħhom u tagħżel post ieħor.
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm Charles Borg, Chairman u Albert Buttigieg, Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ tad-Djar u għadd ta’ sindki li l-lokalitajiet tagħhom se jibbenefikaw minn din il-ħidma.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en