STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN
L-UE qed turi solidarjetà diretta u konkreta ma’ Malta dwar l-immigrazzjoni illegali
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jirreferi għall-istqarrija tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni, rigward is-solidarjetà diretta u konkreta li qed tintwera digà mill-Unjoni Ewropea (UE) ma’ pajjiżna rigward kif wieħed jista jassisti persuni li qed jaħarbu bil-baħar mill-gwerra ċivili kerha u ħarxa li għaddejja fil-Libja.
Mill-kontenut tal-istqarrija jidher ċar li l-argumenti miġjuba fiha huma sfortunatament mibnija fuq inkorrettezzi, ineżattezzi u informazzjoni għal kollox żbaljata.
Għall-kuntrarju ta’ li qed tgħid l-Oppożizzjoni, bid-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern tal-Unjoni Ewropea tal-bieraħ skattaw immedjatament l-ewwel passi konkreti ta’ solidarjetà diretta ma’ Malta u dawn il-bnedmin. Dan, għax kif ġie rrappurtat diġà, inħoloq proġett ġdid apposta għal Malta sabiex persuni li jkunu waslu hawn wara li jaħarbu l-gwerra ċivili fil-Libja jittieħdu jgħixu f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Waqt il-laqgha tal-bierah kien hemm madwar nofs il-pajjiżi tal-Unjoni li indikaw li kienu ser jipparteċipaw f’dan il-proġett li nħoloq apposta għalina.
Dan jista’ jiġi deskritt biss bħala pass ‘l quddiem għal pajjiżna, proprju għax l-UE, mhux biss għarfet li l-gwerra fil-Libja kienet qed toħloq diffikultajiet kbar bl-immigrazzjoni illegali għal pajjiżna, iżda immedjatament ħolqot proġett esklussivament għalina għax ġiet rikonoxxuta is-sitwazzjoni partikolari hawnhekk.
Kif ġie diġà ddikjarat, minkejja dan il-pass reġistrat, xorta hemm passi oħra li għad iridu jsiru f’xenarju li jinbidel il-ħin kollu.
L-Oppożizzjoni qed toqghod fuq sorsi żbaljati meta qalet li l-Italja astjeniet fil-votazzjoni għal din id-dikjarazzjoni tal-Kunsill. Fil-fatt l-Italja ivvutat favur id-dikjarazzjoni u dan minkejja li l-Italja riedet li d-dikjarazzjoni finali tinbidel biex jinħoloq proġett ta’ solidarjetà għall-Italja wkoll, l-istess bħal ma nħoloq għal pajjiżna. Dan ma seħħx proprju għax il-membri l-oħra ma qablux ma dan, anzi ddikjaraw li hemm differenza fundamentali bejn is-sitwazzjoni li teżisti f’Malta u dik li teżisti fl-Italja.
Mhux minnu li waqt il-laqgħa tal-bieraħ ingħatat indikazzjoni li l-pajjiżi membri l-oħra qed jistennew li l-kriżi tkompli tikber qabel jiċċaqalqu. Anqas huwa minnu li l-pożizzjoni ta’ pajjizna ma ġietx rikonoxxuta jew li Malta għandna żżomm dawn il-persuni kollha li jaslu hawn. Il-ħolqien tal-proġett speċifiku għal pajjiżna imsemmi aktar qabel huwa prova u reazzjoni diretta ta’ dan.
Huwa ironiku li qed tintwera ammirazzjoni lejn pajjiż li għalkemm qiegħed jiġi deskritt bħala difensur tal-interess nazzjonali tiegħu, min-naħa l-oħra kellu xorta jirċievi 25,000 immigrant ekonomiku mit-Tuneżija li ma jistax jibgħat lura.
Fid-dawl ta’ dan kollu, forsi wasal iż-żmien li l-Oppożizzjoni tibda tiddistingwi bejn dak li huwa fl-interess nazzjonali u dak li huwa fl-interess partiġġjan. Pajjiżna ma huwa tapit għal ħadd u kull partit politiku jrid joqgħod attent li ma jservix ta’ hekk għal ħaddieħor.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en