MIXJIET MAL-KOSTA U L-IRDUM TAX-XLENDI FIL-WEEKEND TAL-GĦID IL-KBIR
Maltin u Għawdxin qed ikunu mistiedna jattendu għal attivitajiet ta’ trekking, jew mixjiet mal-kosta u l-irdum tax-Xlendi, bħala parti minn inizjattiva favur aktar attività fiżika. Din l-inizjattiva qed tittieħed mill-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi bl-għajnuna tal-Iskema Inizjattivi Sportivi 2011 imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali u mill-Kunsill Malti għall-Isport.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Chris Said u li matulha kienu preżenti kunsilliera tal-Munxar u membri tal-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi. Hu faħħar din l-inizjattiva tal-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi għaliex permezz ta’ dawn il-mixjiet se jsir riklam lis-sbuħija tal-kampanja u l-irdumijiet Għawdxin, aktar u aktar għaliex se jkunu organizzati fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid meta eluf ta’ Maltin jkunu qed igawdu btala qasira f’Għawdex. Hu tkellem ukoll dwar l-importanza tal-attività fiżika li tgħin biex jonqos il-mard bħall-mard tal-qalb u l-livell għoli tal-kolesterol fid-demm, filwaqt żżommna b’saħħitna u tgħinna ngħixu ħajja aħjar.
L-attività li qed jorganizza l-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi tinvolvi mixjiet fil-kampanja, is-Sibt 23 u l-Ħadd 24 ta’ April kmieni wara nofsinnhar. Waħda mill-mixjiet tibda minn quddiem it-Torri tax-Xlendi, bi żjara fit-torri, mixja għal fuq l-irdum Ta’ Sanap, tal-Bardan u Ta’ Ċenċ u tintemm fil-bajja ta’ Mġarr ix-Xini. Rotta oħra tieħu mix-Xlendi, għat-tieqa tad-Dwejra, lejn l-irdum għall-inħawi tal-Għoroba, Wied Sansun, lejn Ġebel San Ġorġ, għall-għadira ta’ San Raflu, bi żjara fit-torri tad-Dwejra. Trasport lura lejn ix-Xlendi se jkun provdut.
Il-mixjiet se jkunu ggwidati minn persuni kwalifikati min-Nature Trust. Fost l-oħrajn se tingħata spjegazzjoni tal-flora u l-fawna fl-inħawi. Il-mixjiet huma b’xejn iżda se tintalab donazzjoni ta’ żewġ Ewro mingħand dawk li jżuru t-torrijiet, bil-flus li jinġabru jintużaw għall-manutenzjoni ta’ dawn il-postijiet storiċi.
Qed ikun suġġerit li min jipparteċipa f’dawn il-mixjiet għandu jilbes ilbies ħafif u adattat għall-mixi fuq il-blat. Il-postijiet fil-gruppi għal dawn il-mixjiet huma limitati u għaldaqstant dawk interessati għandhom jirriżervaw posthom billi jimlew formula tal-applikazzjoni fuq munxar.lc@gov.mt Għal iktar tagħrif wieħed jista’ jċempel l-uffiċċji tal-Kunsill Lokali tal-Munxar fuq 21558755 jew jibgħat email fuq munxar.lc@gov.mt. Ftit jiem qabel il-mixjiet il-parteċipanti jirċievu email b’iktar dettalji mingħand il-Kunsill.
Din l-attività tal-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi hi biss waħda minn 103 inizjattiva differenti li matul l-2011 se jkunu mtella’ minn 27 Kunsill Lokali u żewġ Kumitati Amministrattivi u li se jkunu finanzjati permezz tal-Iskema Inizjattivi Sportivi 2011.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en