Left arrow Go Back

​MIXJIET MAL-KOSTA U L-IRDUM TAX-XLENDI FIL-WEEKEND TAL-GĦID IL-KBIR

pr0724
Date Icon 12/04/2011

Maltin u Għawdxin qed ikunu mistiedna jattendu għal attivitajiet ta’ trekking, jew mixjiet mal-kosta u l-irdum tax-Xlendi, bħala parti minn inizjattiva favur aktar attività fiżika. Din l-inizjattiva qed tittieħed mill-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi bl-għajnuna tal-Iskema Inizjattivi Sportivi 2011 imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali u mill-Kunsill Malti għall-Isport.

Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Chris Said u li matulha kienu preżenti kunsilliera tal-Munxar u membri tal-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi. Hu faħħar din l-inizjattiva tal-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi għaliex permezz ta’ dawn il-mixjiet se jsir riklam lis-sbuħija tal-kampanja u l-irdumijiet Għawdxin, aktar u aktar għaliex se jkunu organizzati fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid meta eluf ta’ Maltin jkunu qed igawdu btala qasira f’Għawdex. Hu tkellem ukoll dwar l-importanza tal-attività fiżika li tgħin biex jonqos il-mard bħall-mard tal-qalb u l-livell għoli tal-kolesterol fid-demm, filwaqt żżommna b’saħħitna u tgħinna ngħixu ħajja aħjar.

L-attività li qed jorganizza l-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi tinvolvi mixjiet fil-kampanja, is-Sibt 23 u l-Ħadd 24 ta’ April kmieni wara nofsinnhar. Waħda mill-mixjiet tibda minn quddiem it-Torri tax-Xlendi, bi żjara fit-torri, mixja għal fuq l-irdum Ta’ Sanap, tal-Bardan u Ta’ Ċenċ u tintemm fil-bajja ta’ Mġarr ix-Xini. Rotta oħra tieħu mix-Xlendi, għat-tieqa tad-Dwejra, lejn l-irdum għall-inħawi tal-Għoroba, Wied Sansun, lejn Ġebel San Ġorġ, għall-għadira ta’ San Raflu, bi żjara fit-torri tad-Dwejra. Trasport lura lejn ix-Xlendi se jkun provdut.

Il-mixjiet se jkunu ggwidati minn persuni kwalifikati min-Nature Trust. Fost l-oħrajn se tingħata spjegazzjoni tal-flora u l-fawna fl-inħawi. Il-mixjiet huma b’xejn iżda se tintalab donazzjoni ta’ żewġ Ewro mingħand dawk li jżuru t-torrijiet, bil-flus li jinġabru jintużaw għall-manutenzjoni ta’ dawn il-postijiet storiċi.

Qed ikun suġġerit li min jipparteċipa f’dawn il-mixjiet għandu jilbes ilbies ħafif u adattat għall-mixi fuq il-blat.  Il-postijiet fil-gruppi għal dawn il-mixjiet huma limitati u għaldaqstant dawk interessati għandhom jirriżervaw posthom billi jimlew formula tal-applikazzjoni fuq munxar.lc@gov.mt Għal iktar tagħrif  wieħed jista’ jċempel l-uffiċċji tal-Kunsill Lokali tal-Munxar fuq 21558755 jew jibgħat email fuq munxar.lc@gov.mt. Ftit jiem qabel il-mixjiet il-parteċipanti jirċievu email b’iktar dettalji mingħand il-Kunsill.

Din l-attività tal-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi hi biss waħda minn 103 inizjattiva differenti li matul l-2011 se jkunu mtella’ minn 27 Kunsill Lokali u żewġ Kumitati Amministrattivi u li se jkunu finanzjati permezz tal-Iskema Inizjattivi Sportivi 2011.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow