BIX-XOGĦOL NINVESTU F’SOĊJETÀ B’SAĦĦITHA
“Matul din l-aħħar sena komplejna bix-xogħol tagħna f’ħafna proġetti sabiex inkomplu ninvestu f’soċjetà b’saħħitha.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Mario Galea waqt il-preżentazzjoni tar-rapport tat-Tielet Sena Ħidma.
Is-Segretarju Parlamentari irringrazzja l-ħaddiema u l-professjonisti kollha li ħadmu bla heda biex żewgt iswali fl-Isptar tar-Rijabilitazzjoni Karen Grech jiġu refurbished fi żmien qasir. B’hekk dan l-isptar żied l-kapacità tiegħu għal 215 sodda. Mario Galea tenna li fl-aħħar sena l-geriatricians għamlu 1,780 konsulta fl-Isptar Mater Dei waqt li 1,300 persuna ġew trasferiti għall-kura tar-rijabilitazzjoni.
Mario Galea, stqarr li l-professjonisti fil-qasam tal-anzjani komplew bil-ħidma tagħhom biex ikomplu jtejbu s-servizzi offruti lill-anzjani tagħna, kemm fir-Residenza San Vinċenz de Paule ufid-Djar tal-Anzjani. Infetħet ukoll il-Blokk Ġwanni Pawlu II fir-Residenza San Vinċenz de Paule. Din hi binja mill-isbaħ li fiha erba’ swali li huma dementia friendly, bi professjonisti mħarrġa apposta mill-University of Sterling. Dan barra li tkompla r-refurbishing f’San Vinċenz de Paule. Sar ukoll investiment fil-komunità permezz tas-servizzi offruti, kif ukoll ġie introdott l-proġett pilota bil-ftuħ ta’ Night Shelter fiż-Żejtun, u ftit xhur wara Night Shelter ieħor fil-Mellieħa. Bħalissa hemm 1,400 anzjan li jattendu fis-sbatax-il Day Centre u qed jiġi diskuss l-ftuħ ta’ Day Centres oħra ma diversi Kunsilli Lokali. Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità kompla jgħid li beda’ proġett pilota ta’ Outreach fil-komunità, magħmul mit-tim multidixxiplinarju biex sa fejn hu possibbli, l-anzjani jiġu mħeġġa jibqgħu jgħixu fil-komunità.
Saru żviluppi wkoll fil-qasam tas-saħħa mentali u s-servizzi tagħna komplew jinfirxu madwar il-komunità. Tant li sal-lum, is-servizzi fil-komunità jinsabu fi kważi 40 lokalità f’Malta, permezz ta’ 130 professjonist. “Permezz ta’ dawn is-servizzi qegħdin inkunu viċin dawk li verament għandhom bżonn l-għajnuna tagħna,” sostna l-Onor. Mario Galwa.
Biex sa fejn hu possibli jiġu evitati każi ta’ suwiċidju u nirrispondu għall-emerġenzi oħra ta’ saħħa mentali diffiċli, ġie ntrodott għall-ewwel darba f’pajjizna Crisis Intervention Service li ġie allokkat fid-Dipartiment tal-Emerġenza. L-Onor. Mario Galea saħaq li s’issa diġà kien hemm 104 pazjenti screened, 64 pazjent irċivew it-trattament meħtieġ, kien hemm 130 follow up u 355 intervent bit-telefon.
“L-għan aħħari tagħna jibqa’ li nkomplu ninvestu f’min hu fil-bżonn, f’kull min hu vulnerabbli, f’kull min għandu bżonn l-għajnuna tagħna, anki jekk mhux kapaċi jfittixha hu.
“Il-mibki Papa Ġwanni Pawlu II kien qal hekk fuq il-ħajja ‘Is-snin jgħaddu malajr, iżda l-ħajja, minkejja l-isforzi u t-tbatija li ġġib magħha, hija prezzjuża u sabiħa wisq għalina biex xi darba nixbgħu minnha’. Għalina bħala Gvern, din il-kwotazzjoni mhux biss tispirana, iżda rridu nkomplu nsarrfuha f’hidma politika,” ikkonkluda Segretarju Parlamentari l-Onor. Mario Galea.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en