Left arrow Mur Lura

ĠIMGĦA T’ATTIVITAJIET IŻŻID L-GĦARFIEN DWAR KARRIERI FIT-TURIŻMU F’GĦAWDEX

pr0717
Date Icon 11/04/2011

F’Għawdex qed tinżamm għat-tielet sena konsekuttiva dik li ġiet imsejħa ‘Navigate...a career in tourism week’. Din hija inizjattiva promossa mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex bil-għan li studenti Għawdxin jiksbu aktar għarfien u jsiru midħla ta’ opportunitajiet ta’ xogħol offruti mis-settur turistiku f’Għawdex stess.  Fl-istess waqt tkun ukoll mezz kif dawk involuti fl-edukazzjoni ta’ dawn l-istudenti flimkien mal-ġenituri tagħhom jiġu wkoll f’kuntatt dirett mas-settur u b’hekk l-għażla ta’ karrieri marbuta mas-settur turistiku tkun tista’ tiġi kkunsidrat kif inhu mistħoqq.


Din l-attività li issa saret waħda annwali, tittella’ b’kollaborazzjoni mill-Ministeru għal Għawdex, is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u Kultura, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex (GTA) flimkien mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Għawdex. L-attività ta’ din is-sena ġiet inawgurata permezz ta’ konferenza li kienet intiża li tinvolvi f’diskussjoni l-operaturi ta’ servizzi turistiċi f’Għawdex flimkien ma’ uffiċjali minn entitajiet pubbliċi li jaħdmu fil-qasam edukattiv u dak turistiku. Din id-diskussjoni ttrattat t-tema ‘Ir-Riżors Uman u l-Edukazzjoni f’Għawdex’ u kienet immexxija mill-personalità fil-qasam tal-ġurnaliżmu Ruth Amaira.


Għal din il-konferenza attendiet ukoll l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex. Hija pparteċipat b’mod dirett waqt il-kors tad-diskussjoni fejn kellha l-okkażjoni tispjega l-inizjattivi meħuda mill-Ministeru għal Għawdex matul l-aħħar snin li wasslu għal titjib sostanzjali kemm fil-prodott turistiku Għawdxi kif ukoll permezz ta’ żieda fis-servizzi edukattivi f’dan il-qasam. Bla dubju l-bini mill-ġdid tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi ġewwa l-Qala kien proġett li ndirizza b’mod effettiv il-ħtieġa li r-riżors uman f’Għawdex jiġi mħarreġ b’mod tajjeb biex b’hekk ikun jista’ joffri servizz ta’ kwalità fl-istabilimenti turistiċi Għawdxin. Il-Ministru Debono spjegat kif it-twaqqif tad-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex huwa wkoll inizjattiva b’risq it-tisħiħ tas-settur turistiku li hu pilastru ewlieni fl-ekonomija ta’ Għawdex.  L-Onor. Giovanna Debono faħħret il-kontribut validu li tagħti l-GTA lis-settur turistiku Għawdxi u fissret kif il-Ministeru għal Għawdex ser ikompli jsostni din il-ħidma għall-ġid tal-gżira ta’ Għawdex. Il-Ministru għal Għawdex irringrazzjat lil dawk kollha li kkollaboraw fl-organizzazzjoni ta’ din il-ġimgħa ta’ attivitajiet li hija awgurat li “ser tkun inizjattiva li tintlaqa’ tajjeb bħal ma ntlaqgħu dawk ta’ qabilha”.


Fost il-kelliema li ndirizzaw il-konferenza kien hemm is-Sur Kevin Drake, Direttur tal-Komunikazzjoni tal-MTA u s-Sinjura Fleur Attard, Uffiċjal Inkarigat mill-ITS f’Għawdex filwaqt li s-Sur Joe Muscat, Segretarju tal-GTA u s-Sur Marcel Bonniċi, Manager tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ  f’Għawdex għamlu żewġ preżentazzjonijiet relatati mas-settur.


L-attivitajiet imħejjija matul din il-ġimgħa jinkludu ‘Student Trails’ li matulhom l-istudenti jipparteċipaw fi żjajjar li jeħduhom f’siti storiċi u attrazzjonijiet turistiċi madwar Għawdex, f’lukandi u stabilimenti turistiċi oħra flimkien ma’ żjajjar fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala. B’hekk l-istudenti ser jiġu f’kuntatt dirett mas-settur filwaqt li jkunu jistgħu jevalwaw ukoll il-faċilitajiet ta’ tagħlim u taħriġ li jistgħu jsibu f’Għawdex.


Attività oħra ser tinkludi laqgħat ma’ ‘personalitajiet’ li għandhom rwoli differenti fil-qasam turistiku. B’hekk l-istudenti jżidu l-għarfien tagħhom dwar dawn ir-rwoli li jinkludu Hotel Manager, Food & Beverage Manager, Operations Manager, Housekeeper, flimkien ma’ operaturi fl-agroturiżmu u l-industrija artiġjanali.


Il-ġimgħa tal-karrieri fit-turiżmu tiġi fi tmiemha nhar il-Ħadd 17 t’April 2011 meta l-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala ser ikun miftuħ għal pubbliku bejn in-nofs siegħa ta’ wara nofsinhar u s-sitta ta’ filgħaxija. Dawk li ser imorru ser ikunu jistgħu jipparteċipaw fi żjajjar madwar l-Istitut filwaqt li ser tingħata wkoll informazzjoni fuq korsijiet li għaddejjin bħalissa u oħrajn li ser jibdew minn Ottubru li ġej. Ir-restorant tal-istitut ser jintuża bħala kafetterija fejn l-istudenti attwali ser ikunu qed iservu ikel li ppreparaw huma stess.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow