Left arrow Go Back

​DISKORS MILL-ONOR. GEORGE PULLICINO, MINISTRU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI, WAQT IL-FTUĦ TAL-PARK TAN-NATURA U Ċ-ĊENTRU TA’ ŻVILUPP SOSTENIBBLI – XROBB L-GĦAĠIN, DELIMARA – IL-ĠIMGĦA, 8 TA’ APRIL 2011

pr0704
Date Icon 08/04/2011

Onor Prim Ministru
Mistiedna distinti
Sinjuri.

Huwa ta’ pjaċir għalija li llum qegħdin hawn sabiex ninawguraw dan il-park li joffri spazju miftuħ u rikreattiv f’din iż-żona tant sabiħa ta’ pajjizna. Dan il-Park joffri wkoll Nature Trail, jiġifieri mixja ta’ kilometru u nofs li matulha jkun spjegat id-diversita’ ekoloġika li nsibu f’dan il-Park.

Xrobb l-Għaġin huwa eżempju ħaj fejn naraw is-sostenibbilità ambjentali sseħħ fil-prattika. Xrobb l-Għaġin hu ċentru interattiv ta’ tagħlim ambjentali f’post ta’ rilassament u miftuħ għat-tgawdija tal-familja kollha.

Dan il-post kif tistgħu taraw għandu żewġ turbini tar-riħ u sistema ta’ panelli fotovoltajiċi li flimkien għandhom kapaċità li jissuplixxu 25 KW ta’ enerġija nadifa. Din l-enerġija hija biżżejjed biex jopera dan il-post.

Irridu naraw li r-riżorsi naturali tagħna jkunu sostenibbli. Ridna għalhekk ukoll li bi Xrobb l-Għaġin nagħtu eżempju. Fil-fatt sar Biological Treatement Plant, jiġifieri sistema li titratta l-ilma tad-dranaġġ u ddawru f’second class water biex jintuża għat-tisqija tal-post. F’dan il-post saret ukoll ġiebja li għandha kapaċità li tilqa’ fiha l-ilma tax-xita ta’ madwar il-park u s-saqaf sa 200 metru kubu ta’ ilma

Dan il-post joffri veduti mill-isbaħ mal-baħar. Baħar li wkoll inridu nibqgħu naħdmu sabiex niżguraw il-kwalità tiegħu. Hu ta’ sodisfazzjon li l-MEPA tul l-aħħar xhur żiedet 4 Marine Protected Areas. Dan ifisser li 4% tat-territorju tal-ibħra Maltin huwa issa protett. Tajjeb li nfakkar ukoll li ftit taż-żmien ieħor se nkunu l-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li se nkunu qegħdin nitrattaw id-dranaġġ kollu ta’ pajjiżna qabel dan jintefa’ l-baħar. Dan se jseħħ bil-ftuħ tat-tielet Sewage Treatment Plant li se jkun f’Ta Barkat.

Il-Park li qegħdin fih illum li sar b’ko-finanzjament mill-Iżlanda, Liechtenstein u n-Norveġja taħt il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja, m’hu xejn ħlief investiment ta’ Miljun Ewro fl-edukazzjoni ambjentali ta’ wliedna.

Issa li wasalna s’hawn inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu niżviluppaw dan iċ-ċentru ambjentali bit-tieni fażi tiegħu li se tkun tikkonsisti fir-riabilitazzjoni tal-annimali tal-baħar fosthom il-fkieren. F’dawn l-aħħar snin tfajna lura ‘l baħar numru ta’ fkieren medja ta’ 15 fis-sena, li jkunu nstabu feruti jew batuti fl-ibħra u għalhekk jinġiebu fiċ-ċentru ta’ San Luċjan għall-kura.

Xrobb l-Għaġin hu l-ewwel minn 8 parks li għandna ppjanati li nagħtu lill-familji Maltin u Għawdxin fix-xhur u s-snin li ġejjin. Qed naħdmu biex indawwru l-miżbliet il-magħluqa f’Parks f’Wied il-Għajn, fil-Magħtab u fil-Qortin Għawdex. Qed naħdmu fuq Park għall-familja fil-Mellieħa, estensjoni tal-park tas-Salini u estensjoni tal-park nazzjonali f’Ta’ Qali. Se jingħata bidu għal Park ġdid f’Delimara.

Xrobb l-Għaġin hu proġett li jkompli jżid mal-potenzjal turistiku qawwi ta’ Marsaxlokk. Fix-xhur li għaddew investejna maż-żewġ miljun ewro fi promenade ġdid għal Marsaxlokk u fix-xhur li ġejjin sejrin ninawguraw ukoll il-proġett tal-pjazza ta’ Marsaxlokk li se jkun fiha wkoll monument b’rikonoxximent lejn is-sajjieda.

Aħna nemmnu fl-importanza li noffru aktar spazju miftuħ u aktar arja nadifa. U dan hu post li joffri dawn l-aspetti. Nawgura li dan il-Park iservi ta’ avventura għal kull min iżuru filwaqt li jkun il-benniena li minnha joħorġu aktar ambaxxaturi tal-ambjent.

Fl-aħħarnett ippermettuli nirringrazzja l-ewwel lill-pajjiżi li kkontribwew finanzjarjament għal dan il-proġett biex flimkien ma’ fondi tal-Gvern Malti stajna nagħmlu dan il-proġett. Irrid nirringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-Ministeru tiegħi li ħadmu f’dan il-post taħt id-direzzjoni tal-foreman Ray Bugeja.  Għal darb’oħra dawn il-ħaddiema urew li l-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet jagħtu prodott ta’ kwalità.  Ippermettuli nirringrazzja wkoll lill-bank HSBC li kkontribwixxa ħalli hawnhekk jitħawlu xejn anqas minn madwar 17,000 siġra matul l-aħħar 3 snin. L-aħħar u l-akbar grazzi tmur lin-Nature Trust li magħhom bnejna dan il-proġett.  Ittrasformajnieh minn post mitluq għal ċentru għall-iżvilupp sostenibbli u ċentru għall-apprezzament tal-ambjent ta’ pajjiżna.  Dan huwa proġett eżempju ħaj ta’ partnership bejn il-gvern, is-socjetà civili u l-privat.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow