Left arrow Go Back

IPPREŻENTAT IR-RAPPORT TAT-TIELET SENA ĦIDMA TAS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI ŻGĦAŻAGĦ U SPORT FI ĦDAN IL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA

pr0702
Date Icon 08/04/2011

Matul is-sena li għaddiet, il-Gvern kompla jinċentiva x-xogħol għaliex jemmen li x-xogħol huwa ċ-ċavetta tas-suċċess għall-familji tagħna u għaż-żgħażagħ tagħna. Ix-xogħol huwa wkoll l-aqwa forma ta’ solidarjetà.

Dan sostnieh l-Onor Clyde Puli meta dalgħodu ppreżenta l-ħidma tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fiċ-Ċentru AĊĊESS fil-Belt Valletta. 

Il-ħidma tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol qed tħalli l-frott mixtieq. Fil-fatt, minkejja l-kriżi ekonomika internazzjonali, pajjiżna sa Diċembru 2010 kien:

• Ir-raba’ pajjiż bl-anqas rata ta’ qgħad minn fost is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea
• Ir-raba’ pajjiż li għandu l-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ.

Biex iż-żgħażagħ jirnexxu lkoll, il-Gvern hu impenjat li jagħtihom l-għodda u l-ħiliet neċessarji biex ikunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet u jilqgħu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom.

Din is-sena waqqafna l-Aġenzija Żgħażagħ, li se tkun qed tieħu l-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ – li kienet riveduta fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura – bħala l-boxxla li tiggwida l-ħidma tagħha. Din l-Aġenzija għandha r-rwol:

• Li tassigura li l-politika tal-Gvern tkun qiegħda f’kull każ tikkunsidra l-perspettiva taż-żagħżagħ
• Li tamministra n-National Youth Empowerment Programme li permezz tiegħu, iż-żgħażagħ jingħataw aċċess għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà, kif ukoll l-opportunità li jiżviluppaw il-ħiliet u t-talenti tagħhom permezz tal-edukazzjoni mhux-formali li tikkumplimenta dik formali.

Il-Programm Nazzjonali tal-Empowerment hu magħmul minn diversi programmi li jagħtu ħiliet ġodda u aċċess liż-żgħażagħ. Fosthom insibu l-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ, fejn fis-sentejn li għaddew, 360 żagħżugħ u żagħżugħa ħadu sehem f’dan il-programm, il-Konkors tal-Letteratura għaż-Żgħażagħ, li jħeġġeġ lill-awturi stabbiliti jiktbu letteratura għaż-żgħażagħ u jħeġġeġ ukoll liż-żgħażagħ jiktbu xi testi letterarji huma stess; il-VolTours, li jimmotiva liż-żgħażagħ jagħmlu esperjenzi ta’ volontarjat u l-Portal ta’ Informazzjoni għaż-Żgħażagħ li jagħti liż-żgħażagħ aċċess għall-informazzjoni u jgħinhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom bl-aħjar mod.

L-edukazzjoni formali u mhux formali flimkien mat-taħriġ huma ċ-ċavetta għas-suċċess ta’ wliedna, għaliex biex noħolqu xogħol ta’ kwalità irid ikollna ħaddiema imħarrġin tajjeb u flessibbli. Għalhekk:

• Qed ninvestu €330 miljun biex noffru edukazzjoni tajba – mill-edukazzjoni bikrija sal-edukazzjoni ogħla, bħall-Università, l-MCAST u l-ITS
• Qed inkomplu ninvestu direttament fl-istudenti b’madwar €23 miljun fi stipendji lil 18,000 żagħżugħ u żagħżugħa
• Introduċejna s-sistema tal-e-learning biex aktar tfal jiżviluppaw f’ambjent madwar it-teknoloġija tal-informatika
• Permezz tal-ETC, fis-sena 2010 għamlet 100 programm ta’ taħriġ differenti, li minnhom gawdew aktar minn 3,500 żagħżugħ u żagħżugħa
• Qassamna mijiet ta’ scholarships biex insaħħu l-edukazzjoni ogħla
• Nidejna l-Youth Inc sabiex iż-żgħażagħ li joħorġu mill-iskola obbligatorja mingħajr il-ħiliet u ċ-ċertifikazzjoni bażika jingħataw opportunità oħra biex jirnexxu.

Il-Gvern jifhem li ż-żgħożija hija kkaratterizzata minn diversi transizzjonijiet li jġibu magħhom sew opportunitajiet kif ukoll riskji. Fost it-transizzjonijiet prinċipali li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ insibu t-transizzjoni mill-iskola għax-xogħol; it-transizzjoni mid-dar li jkunu trabbew fiha għal dar ġdida li fiha jiffurmaw il-familja ġdida tagħhom, u t-transizzjoni miż-żgħożija għall-istat ta’ adult. Għal dan il-għan l-Gvern qiegħed joffri wens u jservi ta’ appoġġ għaż-żgħażagħ matul it-transizzjonijiet tagħhom.

Biex niffaċilitaw it-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għax-xogħol:

• Impjegajna fl-iskejjel u l-kulleġġi diversi, Carreer Advisors u Counsellors biex jiggwidaw liż-żgħażagħ fl-għażliet tagħhom
• Ħloqna learning zones għall-adolexxenti li għandhom bżonn l-għajnuna mingħand tim inter-dixxiplinarju ta’ professjonisti
• Komplejna l-proġett E4L li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ żgħażagħ, li jsibuha diffiċli jsibu impjieg

Biex nakkumpanjaw l-adoloxxenti fil-vjaġġ tagħhom biex isiru adulti għamilna:

• L-proġett Be-Smart-Online għall-Protezzjoni fuq l-internet
• Programmi ta’ prevenzjoni biex inħarsu liż-żgħażagħ mill-vizzji u l-abbużi
• Promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-adoloxxenti

Il-Gvern qiegħed ikun ta’ sostenn ukoll għall-familja żgħażugħa li għadha trabbi, b’inizjattivi bħal:

• Il-ftuħ ta’ 3 child-care centres fl-2010 f’Bormla, is-Siġġiewi u Pembroke, li issa żdiedu ma’ dawk diġa eżistenti fil-Qawra, l-Birgu, B’Kara, il-Għargħur, Ħal-Luqa u Raħal Ġdid
• Inċentivi fiskali għall-ġenituri li jkomplu jaħdmu
• Il-programm Home-Start, li qed isir biex ngħinu lill-ġenituri żgħażagħ fit-trobbija ta’ wliedhom.

Il-Gvern jemmen li l-isport huwa għodda oħra li jgħin biex jibni l-karattru taż-żgħażagħ tagħna, filwaqt li jikkultiva soċjetà fiżikament u mentalment b’saħħitha, u jikkontribwixxi għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Għalhekk matul is-sena li għaddiet:

• Tajna madwar €5.5 miljun f’assistenza lill-għaqdiet sportivi, li minnhom 14-il skema huma amministrati mill-Kunsill Malti għall-Isport
• Qed nagħmlu 16-il ground tal-football ġdid bit-turf sintetiku
• Ftaħna l-Outdoor Fitness Centre f’Ta’ Qali, li issa qed jikkumplimenta l-Adventure Park li nfetaħ aktar kmieni, fi tmiem l-2009
• Komplejna bl-iskema Turiżmu Sportiv biex ninċentivaw il-ħolqien ta’ niċċa fit-Turiżmu Sportiv li tattira lejn pajjiżna. B’dan il-mod l-isport jikkontribwixxi għall-ekonomija tal-pajjiż filwaqt li jgħin biex l-attività sportiva issir aktar sostenibbli u indipendenti. Fis-sena 2010 b’din l-iskema attirajna lejn pajjiżna 41,000 bednight, kważi d-doppju ta’ dak li ġibna fl-2009.
• Saħħaħna l-iskema ta’ Inizjattivi Sportivi għall-Kunsilli Lokali bil-għan li nxettlu l-kultura sportiva fil-komunitajiet. Fil-fatt fl-2010, 27 kunsill lokali tellgħu total ta’ 138 attività sportiva li ipparteċipaw fihom 3,600 persuna.. 
• Saħħaħna l-Isport Promotion Unit (SPU) biex nilħqu aktar tfal fl-iskejjel. Fil-fatt, matul is-sena skolastika 2009/10, aktar minn 28,000 student u studenta (mhux esklussivi) ħadu sehem f’xi programm sportiv offrut mill-SPU. L-SPU qed itellgħu wkoll programmi ta’ Fundamental Basic Sports Skills għat-tfal tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames sena fl-iskejjel sabiex dawn jiksbu ħiliet bażiċi fil-ġinnasitka, fl-atletika u fl-għawm.
• Saħħaħna l-programmi sportivi tal-KMS, u s-sena li għaddiet ittellgħu 8 programmi sportivi offruti lil hinn mill-ħinijiet tal-iskola. Dawn il-programmi huma Skola Sport, Sports Fun, Summer-on-the-Move, Girls-on-the-Move, Active Youngsters, Arti Sports, Sports Buzz u Sports for All.
Bil-għan li nkomplu nsaħħu l-isport f’pajjiżna, nidejna proċess biex nirrevedu l-Politika Nazzjonali għall-Isport, li għandha telenka l-oġġettivi tal-pajjiż sas-sena 2020.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow