Left arrow Go Back

​IPPREŻENTAT IR-RAPPORT TAT-TIELET SENA ĦIDMA TAL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA: IX-XOGĦOL U L-EDUKAZZJONI L-PRIJORITAJIET EWLENIN TAL-GVERN

pr0701
Date Icon 08/04/2011

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, l-Onor. Dolores Cristina u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, Clyde Puli, dalgħodu ppreżentaw ir-rapport tat-Tielet Sena Ħidma ta’ din il-leġiżlatura li fih elenkaw ix-xogħol li sar minn dan il-Ministeru tul is-sena li għaddiet. Preżenti kien hemm ukoll l-Assistent Parlamentari fl-istess Ministeru, Stephen Spiteri.

Qabel il-konferenza l-Ministru Cristina żaret u tkellmet mal-ħaddiema taċ-Ċentru AĊĊESS tal-Belt u ma’ xi nies li dak il-ħin kienu qed jingħataw servizz minn dan il-post li fih hemm uffiċċju tal-ETC, uffiċċju tas-sigurtà soċjali u impjegati tal-Aġenzija Appoġġ.

Il-qasam tal-Edukazzjoni hu ta’ prijorità ewlenija għall-Gvern.  L-investiment f’dan il-qasam jikber minn sena għal sena.  Sistema edukattiv b’saħħtu jagħti lill-pajjiż in-nies li għandu bżonn biex ikun jista’ jilqa’ l-isfidi li għandu quddiemu u jaħtaf l-opportunitajiet li jippreżentaw ruħhom quddiemna.  B’nies preparati tajjeb il-Gvern ikompli jinvesti fix-xogħol għal soċjetà b’saħħitha.

F’dan il-qasam sar ħafna progress u kienet reġistrat żieda sostanzjali fin-numru ta’ dawk li komplew jistudjaw wara li għalqu s-16-il sena.  Fil-fatt f’dawn l-aħħar tliet snin in-numru ta’ dawn żdied minn 19,772 fl-2008 għal 22,186 fl-2010 – żieda ta’ 2414 student (900 minnhom fl-Università) li tfisser żieda ta’ madwar 12% fi tliet snin. Dan ma ġiex waħdu iżda hu frott tal-għażliet li għamel il-Gvern li filwaqt li pajjiżi oħra ferm akbar minnha rajnihom iqaċċtu l-investiment fil-qasam tal-edukazzjoni u jgħollu l-miżati tal-universitajiet tagħhom, aħna bqajna ninvestu, nagħtu edukazzjoni bla ħlas anke fil-livell terzjarju, nagħtu stipendju lil aktar minn 18,000 student u aktar minn 1000 Borża ta’ Studju.

Il-Ministru Cristina qalet li wieħed ma jistax isemmi dak kollu li sar fil-qasam tal-edukazzjoni f’din il-leġislatura iżda ta’ min jinnota li:

• Fl-2010 il-Gvern fetaħ Child Care Centres ġodda f’Bormla, is-Siġġiewi u Pembroke, li żdiedu ma’ dawk tal-Qawra, il-Birgu u Birkirkara, il-Għargħur, Ħal-Luqa u Raħal Ġdid biex issa hemm 506 tifel u tifla jattendu f’child care centres pubbliċi. Din is-sena se jinfetħu żewġ ċentri oħra f’Santa Venera u l-Furjana.

• Ġie estiż it-tnaqqis sa €1,000 mill-income tax imħallas mill-ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom f’child care centres privati biex tinkludi tfal ta’ aktar minn 3 snin u tfal li jattendu wkoll f’child care centres matul ix-xhur tas-sajf.  Fi tliet snin 2,818 ġenitur iffrankaw bejniethom €1.5 miljun minn din il-miżura.

• 574 tifel u tifla jingħataw servizz ta’ Early Intervention biex l-għajnuna tibda tingħata sa minn qabel it-tfal b’diffikultajiet jibdew l-iskola.

• 265 student u studenta fil-primarja ħadu sehem f’Nurture Groups minħabba li għandhom diffikultajiet emottivi, soċjali u ta’ mġieba; filwaqt li 195 student u studenta tas-sekondarja pparteċipaw f’Learning Support Zones.

o 92 tifel u tifla jingħataw servizz għat-tfal neqsin mis-smiegħ;
o 52 tifel u tifla jieħdu għajnuna għax neqsin mid-dawl;
o medja ta’ 12-il student jingħataw tagħlim fl-Isptar Mater Dei minħabba t-tul ta’ żmien li jdumu l-Isptar;
o 36 student qed jingħataw l-edukazzjoni tagħhom id-dar minħabba mard li jżommhom bogħod mill-iskola;
o 102 student u studenta jingħataw servizz mill-Autism Spectrum Support Team;
o 123 student u studenta għandhom appoġġ mill-Access to Comunications and Technology Unit, minħabba li għandhom bżonn support biex jitgħallmu;
o 59 tifel u tifla b’diffikultà fl-imġieba jiġu megħjuna minn professjonisti biex jaddattaw għall-ambjent fi skejjel.

• 460 interactive whiteboard huma disponibbli għall-istudenti fil-primarja u fis-sekondarja. 177 interactive whiteboard oħra u projectors qed jiġu użati mill-istudenti fil-laboratorji tax-xjenza  u Design & Technology Workshops fis-sekondarja.

• Skola ġdida kull sena
2008 – Skola Sekondarja Subien, Verdala fil-Kulleġġ Santa Margerita – 605 student
2009 – Skola Primarja Pembroke fil-Kulleġġ Santa Klara – 324 student u studenta
2010 – Skola Sekondarja Subien fil-Kulleġġ ta’ Għawdex – 700 student
2011 – Skola Sekondarja Subien fil-Mosta fil-Kulleġġ Marija Reġina – 773 student

Fi ftit jiem oħra se titpoġġa l-ewwel ġebla ta’ skola sekondarja ġdida – l-ewwel
 waħda għall-bniet, fil-Kulleġġ San  Injazju f’Tal-Ħandaq.

• 6,058 student u studenta u ġenituri pparteċipaw fi programmi edukattivi, barra l-ħin tal-iskola, offruti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.  Dawn attendew fost l-oħrajn għall-programm Malta Writing, Nwar għal kisba ta’ ħiliet bażiċi, Ħilti biex it-tfal isaħħu l-ħiliet soċjali u akkademiċi, Id f’Id programm ta’ għajnuna lill-ġenituri fl-edukazzjoni tal-ulied u Klabb Naħla għal tfal vulnerabbli.

• Mill-2009 twaqqaf Klabb 3 – 16, fejn studenti jistgħu jsegwu programmi edukattivi wara l-ħinijiet tal-iskola u matul is-sajf. 1,033 student u studenta pparteċipaw f’dawn il-Klabbs f’Birkirkara u l-Fgura.  Din is-sena infetaħ klabb ieħor fil-Mosta.

• Il-Gvern intrabat li jagħti għajnuna għall-edukazzjoni tat-tfal li jattendu fi skejjel tal-Knisja. Bejn l-2008 u l-2010, il-Gvern ta lil dawn l-iskejjel €105 miljun biex joffru edukazzjoni lil 15,780 student u studenta.

• Din is-sena l-iskejjel tal-Knisja se jkunu qed jingħataw €43 miljun oħra.

• Dan barra li se jingħataw 15.2% tal-ispejjeż kapitali li jagħmlu biex iżidu l-klassijiet biex iwettqu r-riforma mill-primarja għas-sekondarja.

• Medja ta’ 4,160 familja li jibagħtu tfal fi skejjel indipendenti jingħataw tnaqqis mill-income tax kull sena. Fl-aħħar tliet snin bejniethom iffrankaw aktar minn €17 il-miljun.

• 2,202 tifel u tifla fi skejjel pubbliċi u 749 fi skejjel tal-Knisja għandhom Learning Support Assistant (LSA) magħhom.

• Il-Gvern beda jħallas ukoll għall-LSA’s li jgħinu lit-tfal fi skejjel indipendenti. 51 tifel u tifla f’dawn l-iskejjel indipendenti għandhom LSA magħhom.

• Saret riforma fl-iskejjel speċjali li issa nbidlu f’Ċentri ta’ Riżorsi Edukattivi.  200 tifel u tifla ta’ bejn it-3 u t-22 sena qed jattendu dawn iċ-Ċentri li nfetħu f’Settembru 2010, fejn kull persuna jkollha edukazzjoni ta’ kwalità skont il-ħtiġiet individwali tagħha.

• 18,300 student u studenta jieħdu l-istipendju b’investiment ta’ €23 miljun fis-sena.  Żieda ta’ €3 miljun fuq l-2008 u żieda ta’ aktar minn 10,000 student fl-aħħar 10 snin.

• 1,094 żagħżugħ u żagħżugħa jgawdu minn scholarships mogħtija mill-Gvern Malti biex ikomplu jistudjaw u jiksbu Masters jew Dottorat fis-suġġett li jixtiequ.

• Għall-ewwel darba fl-2010, il-Gvern beda jagħti l-Malta Arts Scholarships għal min irid jispeċjalizza fl-arti viżiva jew il-performattiva u nieda wkoll skema ta’ scholarships - Xerred il-Malti - għall-Maltin tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni li jridu jagħmlu l-Malti fil-komunitajiet fejn jgħixu.

• In-numru ta’ studenti li qed jistudjaw il-mużika wara li dan is-servizz infirex fil-bliet u rħula mill-iskola Johann Straus żdied minn 555 is-sena li għaddiet għal 946 din is-sena.

• Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li twaqqaf fl-2009 joffri 550 kors f’160 suġġett differenti li għalihom din is-sena qed jattendu 9,932 persuna li hi żjieda ta’ 20% fuq l-istudenti tas-sena ta’ qabel.

Fil-qasam tal-politika soċjali, il-ħolqien tax-xogħol hu prijorità assoluta għall-Gvern. Li permezz tal-investiment barrani li rnexxielu jattira lejn Malta u l-klima industrjali tajba u stabbli, flimkien ma inċentivi li jħajjru l-investiment lokali u l-ħidma bla waqfien tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ biex tħarreġ u ssib xogħol lill-ħaddiema Maltin qed jinħolqu diversi opportunitajiet ta’ xogħol.

F’dan il-qasam, billi l-prijorità tal-Gvern kienet ix-xogħol, il-fatt li f’dawn l-aħħar tliet snin 18,755 persuna sabu impjieg full time għall-ewwel darba - fosthom 340 persuna b’diżabilità u 3297 minn dawk li bdew jaħdmu għall-ewwel darba sabu xogħol permezz ta’ skemi diretti mħaddma mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ juri s-suċċess miksub mill-Gvern.

Il-Ministru Cristina fakkret li:

• Fl-aħħar tliet snin il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kienet infurmata b’29,774 vakanza ta’ mpjiegi minn min iħaddem u rnexxielha ssib ħaddiema biex imlew 11,909 post tax-xogħol

• 18,755 daħlu f’impjieg full-time għall-ewwel darba għax temmew l-istudji jew inkella fis-snin ta’ qabel la kienu qed jaħdmu u lanqas jirreġistraw

• Fl-istess perjodu 27,656 persuna jingħataw taħriġ mill-ETC, 13,765 minnhom is-sena li għaddiet.

• Il-Gvern qed jagħti żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja lill-pensjonanti.  Fl-aħħar tliet snin il-pensjoni żdiedet b’€14.55 fil-ġimgħa.

• 6,000 anzjan li jieħdu l-pensjoni tas-servizzi reġgħu ngħataw żieda oħra

• L-għajnuna supplimentari għall-anzjani waħedhom żdiedet għal massimu ta’ €4.57 filwaqt li ta’ koppja żdiedet għal massimu ta’ €8.13

• Żdiedet il-fostering allowance minn €40 għal €70 fil-ġimgħa għal kull tifel u tifla.

• Għola s-ceiling biex wieħed jista’ jieħu l-benefiċċji soċjali bħalma huma ċ-Children’s Allowance, Għajnuna Supplimentari, il-Karta r-Roża u l-Benefiċċju tal-Enerġija biex il-familji jibqgħu jgawdu mill-għajnuna massima.

• L-għajnuna supplimentari żdiedet sa €4.57 għal persuna waħedha u €8.13 għal koppja  miżżewwġa.

• Fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, il-Gvern qed jagħti energy vouchers lill-familji l-aktar fil-bżonn.  Is-sena li għaddiet 26,048 persuna bbenefikaw minn dawn il-vouchers.

• Minħabba ż-żieda fil-prezz internazzjonali tal-gass, fl-Lulju 2010, il-Gvern żied il-Benefiċċju tal-Enerġija. Familji fejn tal-anqas hemm persuna waħda li hi anzjana, jew anzjani li jgħixu waħedhom, ingħataw €25 oħra.  Familji oħra, li wkoll huma ntitolati għall-benefiċċju tal-enerġija, ingħataw żieda ta’ €15.

• Bejn l-2008 u l-2010, 275 persuna b’diżabiltà ngħataw kwazi €1 miljun f’għajnuna mill-Gvern biex jirranġaw id-dar fejn joqgħodu.

• 661 persuna b’diżabilità ngħataw eżenzjoni biex ma jħallsux il-liċenzja tat-triq tal-vetturi speċjali tagħhom filwaqt li 692 oħra, fl-istess perjodu, xtraw karozza u ġew eżentati milli jħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni fuqha.

• Fl-aħħar tliet snin kien hemm 6,509 persuna jew familja li bejniethom ħadu €14 miljun fi skemi mnedija mill-Awtorità tad-Djar li jinkludu għajnuna għall-irranġar ta’ djar, għajnuna biex tiżdied l-aċċessibilità, għajnuna finanzjarja fuq kirjiet, għajnuna fuq pagamenti għal self ta’ djar, għajnuna lil min jixtri l-ewwel dar.

• Fi 3 snin l-Awtorità tad-Djar bniet 372 appartament u maisonette.  Bħalissa qed jinbnew 34 oħra.

• Fl-2009 saru 11,741 kuntratt għal xiri ta’ propjetà b’valur ta’ €1,229,920.083 filwaqt li s-sena li għaddiet saru 11,774 kuntratt ieħor għal xiri ta’ propjetà b’valur ta’ €1,162,040,576

• 886 familja fdew iċ-ċens temporanju biex saru sidien ta’ darhom. Id-dipartiment tal-Propjetà pubblika rrikonoxxa 2,948 sid ta’ dar li qabel kienu tal-Knisja.

• Is-Servizzi għall-Ħarsien tat-Tfal – Aġenzija Appoġġ ħadem fuq 1,350 każ matul l-2010.

• Saru 6 korsijiet ta’ taħriġ għal foster carers, 38 familja f’Malta u 7 f’Għawdex u 6 korsijiet oħra għal min irid jaddotta..

• Is-servizz ta’ Psikoloġija taħt l-Aġenzija Appoġġ għamel medja ta’ 90 konsulta fix-xahar filwaqt li s-servizz ta’ Terapija ta servizz lil 45 familja fix-xahar.

• L-Aġenzija Sapport tagħti servizz residenzjali dirett jew tammistra s-servizz ma’ 60 persuna b’diżabilità.

• Il-persuni b’diżabilità li jattendu d-9 Ċentri ta’ matul il-Jum żdiedu għal 407.

• Supportline 179 irċieva 11,000 telefonata mingħand nies li kellhom bżonn għajnuna jew parir.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow