STQARRIJA MILL-PERIT KARM MIFSUD BORG, DIRETTUR ĠENERALI RESPONSABBLI MILL-UFFIĊĊJU TAR-REGOLAMENT TAL-BINI FIL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
B’referenza għall-istqarrija tal-Onor. Leo Brincat
B’riferenza għall-istqarrijja li nħarget mill-Oppożizzjoni permezz tal-Onorevoli Leo Brincat dwar l-Energy Performance Certificates irid ikun ippreċiżat li r-raġuni għalfejn l-assessuri ntalbu jieqfu milli joħorġu ċertifikati hija totalment differenti mir-raġuni li pprova jimplika l-Onor. Leo Brincat.
Kif wieħed jista’ jara mill-avviż li l-Onor. Brincat ippublika mal-istqarrija tiegħu, l-avviż kien jgħid li d-Dipartiment kien qed jagħmel review iġifieri li kien qed janalizza l-metodologija li kienet qed tintuża.
L-Onor. Brincat żbalja wkoll għax mhux minnu li l-Gvern kien qiegħed iġiegħel lill-assessuri tiegħu jħaddmu s-software b'metodi żbaljati meta joħorġu Ċertifikati tal-Enerġija fuq il-Bini. L-assessuri ta’ dawn iċ-ċertifikati mhumiex impjegati mill-Gvern iżda huma professjonisti indipendenti u l-metodi li kienu qed ikunu użati mhumiex żbaljati.
L-għan tal-EPC hu li jipprovdi kejl standardizzat tal-użu tal-enerġija fil-bini taħt kundizzjonijiet predeterminati li jkunu mdaħħla fil-metodologija. Għalhekk f’dar li fiha ma jkunx ġie installat jew indikat li ser ikun installat xi tip ta’ apparat biex isaħħan jew ikessaħ, il-metodoloġija tistipula li l-assessuri jassumu li ser jintużaw electric heaters u split type air conditioners, li jirrapreżentaw l-agħar tip ta’ apparat għat-tisħin jew tkessiħ tad-djar. Din l-għażla għandha l-effett li d-domanda għall-użu tal-enerġija fl-istaġun tax-xitwa għandha predominanza fuq id-domanda fis-sajf. Dan ifisser ukoll li jekk assessur jagħmel rakkomandazzjoni biex jinbidel xi element fil-bini, bħal per eżempju t-tip ta’ ħġieġ, mingħajr ma jkun għamel evalwazzjoni dettaljata tal-effett li din il-bidla jista’ jkollha fuq ir-rendiment ta’ dik il-binja, ir-riżultat tar-rendiment jista’ fil-fatt ikun agħar minn qabel. Fil-fatt hekk ġralu l-assessur li għadda l-informazzjoni lill-Onorevoli Brincat fit-Times of Malta.
Għalhekk hu importanti li qabel ma assessur jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar kif jista’ jkun hemm titjib fir-rendiment tal-bini għandu jkun ċert li jkun ħa in konsiderazzjoni l-elementi kollha bħall-kwalità tal-qafas ta' barra tal-bini abbażi tal-orjentazzjoni tal-bini, kif ukoll is-sistemi ta’ tisħin u tkessiħ li jkunu jridu jiġu installati.
Id-Dipartiment irid jiċċara li wara li saret l-evalwazzjoni neċessarja bejn l-esperti tal-Gvern u l-konsulenti li kienu żviluppaw il-metodoloġija u s-software kien deċiż li se jinħarġu struzzjonijiet lill-assessuri biex ikomplu joħorġu ċ-ċertifikati mill-aktar fis bl-istess metodoloġija li kienet qed tintuża.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en