L-ISTABBILITÀ EKONOMIKA U FINANZJARJA FL-EWROPA U L-PREZZIJIET TAL-PRODOTTI ESSENZJALI FUQ L-AĠENDA TAL-ECOFIN F’BUDAPEST
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment l-Onor. Tonio Fenech, ħalla Malta għal Budapest, fl-Ungerija, fejn se jipparteċipa għal-laqgħa tal-Kunsill Informali tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi ta’ l-Unjoni Ewropea (ECOFIN). L-Onor. Tonio Fenech hu akkumpanjat mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, is-Sur Michael C Bonello u mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Alfred Camilleri.
Fuq l-aġenda, insibu l-iżviluppi riċenti fil-qasam tal-istabbilità ekonomika u finanzjarja fiż-żona tal-ewro, żviluppi riċenti fis-settur finanzjarju fid-dawl tal-istrutturi ġodda ta’ superviżjoni li twaqqfu wara l-kriżi kif ukoll il-qagħda ekonomika u l-mod kif l-Ewropa qed tirrispondi għall-kriżi. Dan fid-dawl li minkejja li l-UE bdiet turi sinjali ta’ rkupru ekonomiku, il-qgħad għadu qrib l-10%. F’Malta, skont il-Eurostat il-qgħad huwa ta’ 6.5%.
Diskussjoni importanti oħra se tikkonċentra fuq is-swieq tal-prodotti essenzjali (commodities), bħall-ikel u ċ-ċereali, fid-dawl taż-żidiet riċenti fil-prezzijiet tagħhom fis-swieq internazzjonali.
Se jsiru wkoll diskussjonijiet biex titħejja l-pożizzjoni tal-UE għal-laqgħat tar-Rebbiegħa tal-Fond Monetarju Internazzonali, tal-Bank Dinji kif ukoll għal-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20 ta’ April.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en