PARTITA TA’ ĦBIBERIJA INTERNAZZJONALI F’GĦAWDEX
Il-Gozo Stadium fix-Xewkija Għawdex ospita logħba ta’ ħbiberija bejn it- timijiet nazzjonali ta’ taħt id-dsatax-il sena ta’ Malta u l-Ungerija. Din il-logħba kienet possibbli permezz ta’ kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Malta Football Association (MFA) u l-Gozo Football Association (GFA) ankè fl-isfond tat-titjib sostanzjali fil-faċilitajiet li joffri dan l-istadium li issa jippermetti li jiġu organizzati parititi ta’ dan il-livell.
Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono ħadet b’idejn il-plejers Maltin u Ungeriżi kif ukoll l-uffiċjali rispettivi tagħhom, qabel il-bidu tal-partita. Hija kienet akkumpanjata mill-President tal-Malta Football Association (MFA) is-Sur Norman Darmanin Demajo flimkien ma’ uffiċjali oħra miż-żewġ għaqdiet sportivi. Minkejja li t-tim Ungeriż għeleb lil dak Malti bl-iskor ta’ tlieta b’wieħed dan xejn ma naqqas mill-gost tad-diversi studenti minn skejjel f’Għawdex li kienu l-ispettaturi ewlenin ta’ dan l-avveniment sportiv mhux tas-soltu f’din il-gżira. Ma naqasx li matul il-partita dawn l-istudenti taw l-appoġġ tagħhom lit-tim Malti ankè permezz ta’ tisfir ta’ sfafar u tixjir tal-bnadar ta’ Malta.
Din kienet l-ewwel darba din is-sena li tim Nazzjonali Malti lagħab f’partita internazzjonali fil-gżira Għawdxija. It-tim nazzjonali Malti kien immexxi mill-coach Michael Molzahn u l-assistent tiegħu Vince Carbonaro.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en