IMNEDIJA L-AFM SPORTS SCHEME
L-AFM Sports Scheme, hija kisba għall-iżvilupp sportiv f’pajjiżna u għaldaqstant kisba għall-komunità sportiva u kisba għall-Forzi Armati ta’ Malta. Dan qalu dalgħodu l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport waqt it-tnedija ta’ din l-iskema fil-Barracks tal-Armata f’Ħal Luqa.
Permezz ta’ din l-iskema se titwaqqaf unit fi ħdan l-Armata li tingaġġa magħha atleti Nazzjonali fuq bażi professjonali. Din l-iskema se tkun qed titħaddem fuq żewġ livelli ta’ taħriġ. Fl-ewwel livell is-suldat sportiv se jkun qed jitħarreġ 20 siegħa fil-ġimgħa fl-isport tiegħu u 20 siegħa fil-ġimgħa fil-ħidma tal-Armata. Fit-tieni livell is-suldat sportiv se jkun qed jitħarreġ fid-dixxiplina sportiva għal 40 siegħa sħaħ fil-ġimgħa. L-Armata se tkun qed tassenja fizzjal biex imexxi dan il-unit filwaqt li l-Kunsill Malti għall-Isport se jkun qed jamministra din l-iskema.
L-Onor Puli spjega kif din l-iskema se tkun ta’ benefiċċju kemm għall-Armata u kif ukoll għall-komunità sportiva. Għall-AFM din l-iskema se ddaħħal ħiliet ġodda u speċjalizzati fi ħdanha fejn anke jiżdiedu ċ-ċansijiet li l-AFM tikseb riżultati aħjar fil-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-CISM, li huwa l-Kunsill Internazzjonali tal-iSport Militari. Filwaqt li għall-individwu din l-iskema se tkun tiggarantixxi l-ħin neċessarju biex l-atleta jiżviluppa l-ħiliet sportivi tiegħu u karriera fil-Forzi Armati meta jispiċċa l-karriera sportiva.
Hu spjega kif din l-iskema tingħaqad ma’ skemi oħra li jgħinu b’mod dirett l-isport elite fosthom l-iskema 20/20 sports training leave, l-isports competition leave u permezz ta’ assistenza li tlaħħaq €5.5 miljun. Hu żied li l-missjoni tal-Gvern sabiex tixxettel il-kultura sportiva, tgħin lill-isport elite b’mod dirett peress li l-għażla tal-atleti tkun akbar. Fi tmiem id-diskors tiegħu is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-Armata għall-ħidma tagħha għas-sigurtà ta’ pajjiżna u għall-impenn tagħha fl-iżvilupp tal-isport Malti.
Il-ftehim ġie iffirmat bejn iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Isport, Bernard Vassallo u l-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta, Martin G. Xuereb.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en