IL-50 ANNIVERSARJU MILL-MEWT TAL-POETA NAZZJONALI DUN KARM PSAILA (18.10.1871–13.10.1961)
Din is-sena jaħbat il-50 anniversarju mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila. Biex ikun żgurat li dan l-avveniment importanti jitfakkar kif inhu xieraq, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja ħatret Kumitat immexxi mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Dr. James Calleja, biex flimkien ma’ entitajiet oħra, jieħu ħsieb jorganizza u jikkoordina attivitajiet apposta għal din l-okkażjoni.
Biex il-Kumitat ikun jista’ jagħti sehem bl-aħjar mod fl-attivitajiet li qed jiġu organizzati, kif ukoll biex jiġi kkumpilat kalendarju, li kemm jista’ jkun jinkorpora fih l-inizjattivi kollha, qed nistiednu lill-għaqdiet li għandhom ippjanati attivitajiet kommemorattivi f’ġieh Dun Karm għal matul din is-sena, biex jibagħtu d-dettalji kollha dwar dawn l-attivitajiet lis-Sinjura Catherine Tabone fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja fuq catherine.tabone@gov.mt sal-25 t’April 2011 jew bil-posta 310, Palazzo Ferreria, Triq ir-Repubblika, Valletta.
Dawn id-dettalji għandhom jinkludu:
- l-isem tal-attività u fiex se tkun tikkonsisti
- id-data ta’ meta huwa propost li tiġi organizzata
- il-post fejn huwa propost li tiġi organizzata
- l-organizzatur prinċipali
- l-organizzaturi sekondarji
- organizzazzjonijiet / nies oħra involuti
- il-finanzjament allokat
- jekk hemmx bżonn xi għajnuna partikulari mill-Kumitat
Il-Kumitat hu konvint li permezz ta’ diversi attivitajiet interessanti mtellgħa bis-sehem ta’ individwi u organizzazzjonijiet varji, il-Poeta Nazzjonali se jingħatalu ġieħ xieraq matul din is-sena li tfakkar il-50 anniversarju mill-mewt tiegħu.
Għal aktar tagħrif, wieħed jista jċempel fuq 2590 3218.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en