TITNIEDA L-ISKEMA TA’ MICROCREDIT – SKEMA TA’ €51M LI TOFFRI AĊĊESS GĦALL-FINANZI B’RATI VANTAĠĠJUŻI GĦALL-INTRAPRIŻI Ż-ŻGĦAR TA’ PAJJIŻNA
L-iskema tal-MicroCredit, li tħabbret mill-Gvern fil-Baġit 2010 tnediet illum waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha kien iffirmat ukoll ftehim bejn il-Fond tal-Investiment Ewropew u l-Bank of Valletta, li se tkun l-istituzzjoni finanzjarja li se tamministra din l-iskema.
Din l-iskema, bl-isem uffiċjali ta’ Jeremie Financial Package for All SMEs (Loan Scheme including Microcredit) se tipprovdi lis-sidien ta’ negozji ta’ pajjiżna b’aċċess għall-finanzi b’rati tal-imgħax vantaġġjużi. “Dan għandu jwassal biex is-sidien ta’ negozji ta’ pajjjiżna jkunu jistgħu jinvestu aktar fl-espansjoni tan-negozju tagħhom u b’hekk jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna, joħolqu aktar ġid u aktar postijiet tax-xogħol.” Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi.
Tonio Fenech spjega kif wara li oriġinarjament li kien ikkommetta lilu nnifsu għal skema ta’ €10miljun Ewro, il-Gvern daħal f’diskussjonijiet mal-Fond Ewropew għall-Investiment. Dan wassal biex Malta tkun tista’ tipparteċipa fil-programmm Jeremie, u dan wassal biex il-portfoljo ta’ din l-iskema issa tkabbar għal €51m. Filwaqt li l-iskema oriġinali kienet qed timmira għal self sa massimu ta’ €25,000, grazzi għall-ftehim milħuq mal-EIF, kull sid ta’ negozju żgħir jew medju se jkun jista’ jissellef sa €500,000 b’dawn ir-rati vantaġġjużi.
Permezz ta’ din l-iskema, in-negozji ż-żgħar ta’ pajjiżna se jkunu jistgħu jgawdu minn rati tal-imgħax vantaġġjużi filwaqt li r-rekwiżiti f’termini ta’ collateral se jkunu mnaqqsa sostanzjalment. Dan se jkun possibbli wkoll għaliex il-Gvern iddepożita €10m, miksuba mill-Fondi ta’ Koeżjoni, bħala garanzija għal din l-iskema.
Il-Ministru Fenech spjega li kien hemm tliet banek lokali li rrispondew għat-tender tal-EIF. Huwa rringrazzja lill-Bank of Valletta u lill-Fond Ewropew għall-Investiment għall-impenn tagħhom biex it-tnedija ta’ din l-iskema kienet possibbli.
Il-ftehim bejn il-Bank of Valletta u l-Fond Ewropew għall-Investiment kien iffirmat mis-Sur Tonio Depasquale, Kap Eżekuttiv tal-BOV u Jean-Marie Magnette, Deputat Kap Eżekuttiv tal-EIF. Aktar informazzjoni dwar l-iskema tingħata mill-fergħat tal-Bank of Valletta.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien preżenti s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en