APPROVATA L-ĦATRA TA’ ŻEWĠ IMĦALLFIN U TLIET MAĠISTRATI ĠODDA
Il-Kabinett tal-Ministri approva n-nomina tal-Maġistrat Anzjan Silvio Meli u l-Maġistrat Tonio Ellul bħala Mħallfin tal-Qrati ta’ Malta kif ukoll in-nomina tal-Avukati Francesco Depasquale, Josette Demicoli u Neville Camilleri bħala Maġistrati fl-istess Qrati.
Il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern Carmelo Mifsud Bonnici jifraħ lill-Imħallfin u lill-Maġistrati ġodda.
Il-Maġistrat Anzjan Silvio Meli ggradwa bħala avukat mill-Università ta’ Malta. Serva t’ Avukat Anzjan tar-Repubblika u ġie maħtur Maġistrat fl-1990 fejn jippresjiedi fil-Qorti tal-Maġistrati fil-Ġurisdizzjoni Ċivili u Kriminali tagħha. Huwa visiting lecturer u eżaminatur fil-Filosofija tad-Dritt fil-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta u fl-Università ta’ South Texas, tal-Istati Uniti. Hu wkoll Membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u kien il-Viċi-President tal-Kumitat għall-Istudji tal-Ġudikatura.
Il-Maġistrat Tonio Ellul twieled fil-Floriana f’Awwissu 1966. Hu ggradwa bħala avukat mill-Università ta’ Malta fl-1993. Ħadem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u wara kien ukoll Assistent Ġudizzjarju u Aġġudikatur fit-Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar. Fis-sena 2007 hu kien inħatar Maġistrat fejn ingħata inkarigu fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex.
L-Avukat Francesco Depasquale twieled f’Ħ’Attard f’Ġunju 1970. Huwa ggradwa bħala avukat mill-Università ta’ Malta fl-1995 u fl-1996 iggradwa b’Masters fil-liġi marittima mill-istess univeristà. Fl-2005 hu kien appuntat fuq il-Bord Domestiku u l-Bord tal-Kolliżjonijiet tat-Traffiku taċ-Ċentru Malti għall-Arbitraġġ u Kummissarju għall-Ġustizzja sena wara. Mill-2006 ‘l hawn hu kien jaqdi wkoll id-dmirijiet ta’ Assistent Ġudizzjarju u Segretarju Legali tal-Prim Imħallef.
L-Avukat Neville Camilleri twieled f’Marzu 1974. Huwa ggradwa bħala avukat mill-Università ta’ Malta fl-1999 u fl-2001 kiseb Masters fis-servizzi finanzjarji mill-istess univeristà. Huwa ilu membru tal-Bord tal-Appell għar-Refuġjati min Novembru 2004. L-Avukat Camilleri huwa wkoll arbitru kemm fuq każijiet mandatorji, kif ukoll fuq każijiet volontarji fiċ-Ċentru Malti għall-Arbitraġġ.
L-Avukat Josette Demicoli twieldet f’Awwissu 1973. Hija ggradwat bħala avukat mill-Università ta’ Malta fl-1997 u fl-2005 kisbet Magister Juris fil-Liġi Ewropea u Komparattiva cum laude mill-istess univeristà. Hi ħadmet fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u kienet Assistent Ġudizzjarju għal għaxar snin, fejn ħadmet ukoll fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.
L-Imħallfin u l-Maġistrati ġodda mistennija jieħdu l-ġurament tagħhom fil-ġranet li ġejjin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en