DISKORS MILL-ONOR. STEPHEN SPITERI, ASSISTENT PARLAMENTARI FI ĦDAN IL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA WAQT IT-TNEDIJA UFFIĊJALI TAL-ESIBIZZJONI VQPACK – SAN ĠILJAN – IT-TLIETA 5 TA’ APRIL 2011
Għeżież studenti u edukaturi,
Fl-Unjoni Ewropea, l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali u vokazzjonali huma meqjusa bħala strumenti qawwija sabiex pajjiż jiżviluppa ekonomija u industrija bbażati fuq l-għerf, kif ukoll biex joħloq aktar xogħol, u biex iwettaq żvilupp sostenibbli u jippromwovi soċjetà inklussiva. Dawn huma l-iskopijiet tal-Proċess ta’ Kopenħagen kif ukoll ta’ Lisbona, u huma ukoll il-miri ta’ pajjiżna. Pajjiżna jrid jassigura li l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali u vokazzjonali mhux biss ikunu ta’ żvilupp personali għal kull żagħżugħ u żagħżugħa, iżda wkoll strument ta’ żvilupp ekonomiku. Dan iridu jgħarfuh iż-żgħażagħ, kif ukoll il-ġenituri, l-edukaturi kollha, l-industrija u l-kummerċ.
Permezz ta’ dan il-proġett VQPack l-istudenti qed jingħataw l-informazzjoni fuq il-firxa wiesgħa ta’ korsijiet ta’ livelli differenti f’varjetà kbira ta’ oqsma. Il-maġġoranza l-kbira tal-korsijiet vokazzjonali li jsiru fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknologija (l-MCAST) u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (l-ITS) huma mfassla skont il-bżonnijiet tal-industrija. Dawn jgħammru lill-istudenti bil-kompetenzi li dawk li jħaddmu jkunu qed ifittxu fil-ħaddiema prospettivi tagħhom. Il-maġġoranza kbira tal-korsijiet offruti għandhom ukoll rikonoxximent internazzjonali u huma bbażati fuq l-aħħar żviluppi fit-teknoloġija.
Din l-esibizzjoni se tgħin lill-istudenti jagħmlu l-aħjar għażla skont il-kwalifiki li jippossjedu, l-attitudnijiet u x-xewqat tagħhom. Barra minn hekk se tgħin ukoll lil dawk li diġà qegħdin fid-dinja tax-xogħol. Fid-dinja ta’ llum, minħabba li t-teknologija, il-prodotti u s-servizzi, il-ħin kollu jinbidlu, għaldaqstant il-ħaddiema jridu jkomplu jitħarrgu f’oqsma ġodda, itejbu l-kompetenzi tagħhom, iġeddu ħiliethom u jaġġornaw ruħhom. Dawn l-istituti joffru għadd kbir ta’ korsijiet part-time ukoll, ġeneralment filgħaxija, għall-adulti ta’ kull età biex isegwu korsijiet vokazzjonali, korsijet li jtejbu l-kwalifiki jew jaġġornaw ħiliet u kompetenzi, u/jew jagħtu ħiliet li min jattendi dawn il-korsijiet qabel ma kellux. B’hekk dawn l-istituti qed jiżviluppaw kultura ta’ tagħlim matul il-ħajja. Din il-kultura hija ta’ bżonn għal pajjiżna sabiex inkunu nistgħu nkomplu nikkompetu f’dinja daqshekk kompetittiva.
Il-kwalifiki vokazzjonali joffru lill-istudenti l-komponenzi teoretiċi, prattiċi u jinkludu wkoll il-ħiliet bażiċi. Permezz tal-ħiliet bażiċi l-individwu se jkun kapaċi jżomm u jtejjeb l-impjieg tiegħu f’dinja tax-xogħol li qed tinbidel u toffri sfidi ta’ kuljum.
L-istudenti żgħażagħ u adulti jridu jieħdu l-opportunitajiet u jisfruttawhom. Ħadd ma għandu jistenna li jingħata xogħol jew karriera jew mezz ta’ għixien bla ma jkun għamel ħiltu biex jakkwistahom. Kull min jixtieq isib xogħol, ikollu karriera u jaqla għixien xieraq, irid jirsisti biex jikseb l-għerf, il-kompetenzi u l-ħiliet meħtiega għall-kisba tal-kwalifiki fil-qasam tal-għażla tiegħu. Kull min irid isir ċittadin attiv fis-soċjetà jrid jiżviluppa l-abbilitajiet meħtiega biex ikun kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, tal-familja tiegħu u tal-komunità li jgħix fiha.
Din l-esibizzjoni tħaddan disa’ oqsma settorjali jiġifieri l-Agrikummerċ, l-Arti u d-Disinn, l-Inġinerija tal-Bini u Kostruzzjoni, in-Negozju u l-Kummerċ, is-Servizzi fil-Komunità, l-Inġinerija Elettrika u Elettronika, l-Istudji tal-wirt kulturali, l-Inginerija Mekkanika u l-Istudji Turistiċi. L-esibizzjoni, ukoll permezz ta’ sensiela ta’ DVDs ser, tagħti tagħrif fuq ir-rabta bejn studju, taħriġ u ambjent tax-xogħol. Jagħti wkoll tagħrif fuq korsijiet aċċessibbli f’kull wieħed mid-disa’ istituti u wkoll kif il-korsijiet iwasslu liż-żgħażagħ għal karriera fid-diversi setturi.
Permezz ta’ din l-esibizzjoni ġenituri, għalliema li jiggwidaw lill-istudenti, konsulenti u edukaturi jistgħu jiskopru kif illum it-taħriġ vokazzjonali jgawdi l-istess parita ta’ stima li jipprovdu suġġetti tradizzjonali, jiftaħ mogħdija aktar mgħaġġla għall-impjieg u għal tagħlim tul il-ħajja. Jiftaħ ħafna opportunitajiet għal żvilupp professjonali tul il-ħajja tax-xogħol ta’ kull individwu.
Nixtieq inwassal il-messaġġ lill-istudenti kollha preżenti llum li qabel tiddeċiedu x’kors ser tagħżlu, tridu tqisu kollox sew u tieħdu l-pariri kollha meħtieġa. Bl-għażla li se tagħmlu llum ser tiddereminaw l-futur tagħkom.
Fl-aħħar nixtieq nawgura kull suċċess lill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki għal din l-esibizzjoni u anke fil-proġett VQPACK li hu ko-finanzjat mill-Fondi Soċjali Ewropew.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en