DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IĊ-ĊERIMONJA TAL-IKKUMMISSJONAR TAL-MARITIME PATROL AIRCRAFT, F’ĦAL-LUQA - IT-TLIETA, 5 TA’ APRIL 2011
Brigadier,
Eċċellenzi,
Mistiedna Distinti,
Huwa tassew unur għalija li nkun hawn dalgħodu għal din iċ-ċerimonja.
Ċerimonja li tixhed l-impenn tal-Gvern lejn il-Forzi Armati ta’ Malta u r-rikonoxximent tal-poplu tagħna lejn il-ħidma mwettqa mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Qegħdin niċċelebraw inizjattiva oħra f’katina sħiħa ta’ investimenti biex nimmodernizzaw l-Armata ta’ pajjiżna. Dawn l-investimenti f’sezzjonijiet differenti se jwasslu biex pajjiżna jkollu Armata mgħammra bl-aħjar apparat biex taqdi d-dmir tagħha fl-interess tagħna lkoll – mis-sigurtà ta’ pajjiżna sa operazzjonijiet ta’ salvataġġ biex jiġu mgħejuna ċittadini li jistgħu jkunu f’diffikultà.
Bħala gżira, ir-rwol tal-iskwadra tal-ajru tal-Forzi Armati hu essenzjali. Bi skwadra ta’ 98 persuni, il-Gvern huwa konxju u japprezza x-xogħol siwi tagħkom.
B’dedikazzjoni u b’kuraġġ intom salvajtu mijiet ta’ persuni li sabu lilhom infushom f’diffikultajiet. Tirrispondu biex tagħtu l-għajnuna f’kull ċirkustanza, maltemp jew bnazzi, lejl u nhar. Mhux l-ewwel darba li poġġejtu l-ħajja ta’ ħaddieħor qabel tagħkom.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, pajjiżna kellu rwol importanti fl-evakwazzjoni ta’ eluf ta’ nies mil-Libja. Servejna bħala bażi umanitarja. Iffaċilitajna, biex minn pajjiżna jgħaddu 16,000 persuna mil-Libja biex jingħaqdu mal-familji tagħhom f’pajjiżhom. Konna preparati, tant li pajjiżi oħra qed ifaħħru l-mod li mxejna bih. Hawn ukoll il-Forzi Armati ta’ Malta rrispondew b’mod eżemplari u b’effiċjenza.
Hekk kif, b’riżultat ta’ dak li qed jiġri fil-Libja, it-traġedja umana tal-immigrazzjoni irregolari laqtet lil pajjiżna, f’dawn il-ġranet intom ukoll flimkien ma’ suldati ta’ sezzjonijiet oħra fosthom tal-iskwadra marittima rrispondejtu għas-sejħa.
Is-sorveljanza tat-territorju Malti, il-ħidma kontra t-traffikar tad-droga u t-trasport ta’ nies minn Għawdex għall-isptar Mater Dei fost l-oħrajn huma dmirijiet oħra importanti, għalina lkoll. Dan ix-xogħol jirrikkjedi apparat modern u nies imħarrġa.
L-investiment f’dan il-maritime patrol aircraft u fl-apparat ta’ sorveljanza mibni fuq il-ħtiġijiet tal-Forzi Armati hu mezz ieħor kif qed nimmodernizzaw l-infrastruttura tal-Forzi Armati.
Dan l-investiment ta’ €9.6 miljun ewro ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea se jkun qed itejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-iskwadra tal-ajru.
Dan tal-lum huwa biss ħolqa waħda f’katina sħiħa ta’ investimenti. Minbarra dan l-ajruplan, l-iskwadra tal-ajru bbenefikat minn proġett ta’ €2 miljun fejn ajruplan u ħelikopter ġew immodernizzati. Se jkun ukoll qed jinbena ħanger ġdid biex jilqa’ dan u ajruplan ieħor ġdid li se jkun qed jiżdied mal-flotta sena oħra.
Tul l-aħħar sena, bdew jintużaw erba’ patrol boats ġodda mill-Forzi Armati, u saret sistema ġdida ta’ komunikazzjoni b’valur ta’ aktar minn €12-il miljun. Dawn l-investimenti kollha jikkumplimentaw lil xulxin u huma parti minn pjan ħolistiku biex intejbu l-operat u l-kapaċità tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Forzi Armati mhux mibnija biss fuq l-apparat. Hija fuq kollox mibnija fuq il-ħidma u d-dedikazzjoni ta’ kull membru. Għalhekk il-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti permezz ta’ programmi ta’ taħriġ kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.
Sinjuri,
Illum qegħdin nassistu għal pass ieħor importanti għall-Forzi Armati ta’ Malta. Pass lejn l-immodernizzar tal-apparat u t-titjib fl-operat.
Permezz ta’ dan l-investiment, qegħdin ukoll niċċelebraw ir-rabtiet ta’ pajjiżna u l-Forzi Armati ta’ Malta mal-Istati Uniti u l-Ġermanja.
Qegħdin għal darb’oħra naraw il-benefiċċji tanġibbli tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea li permezz tal-fondi qed insaħħu l-Forzi Armati ta’ Malta. L-għażla li ninvestu aktar fil-Forzi Armati ta’ Malta turi l-fiduċja li pajjiżna għandu fikom.
Il-Gvern u l-poplu Malti huwa kburi bix-xogħol u d-dedikazzjoni tagħkom.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en