Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IĊ-ĊERIMONJA TAL-IKKUMMISSJONAR TAL-MARITIME PATROL AIRCRAFT, F’ĦAL-LUQA - IT-TLIETA, 5 TA’ APRIL 2011

pr0667
Date Icon 05/04/2011

Brigadier,

Eċċellenzi,

Mistiedna Distinti,

Huwa tassew unur għalija li nkun hawn dalgħodu għal din iċ-ċerimonja.

Ċerimonja li tixhed l-impenn tal-Gvern lejn il-Forzi Armati ta’ Malta u r-rikonoxximent tal-poplu tagħna lejn il-ħidma mwettqa mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Qegħdin niċċelebraw inizjattiva oħra f’katina sħiħa ta’ investimenti biex nimmodernizzaw l-Armata ta’ pajjiżna.  Dawn l-investimenti f’sezzjonijiet differenti se jwasslu biex pajjiżna jkollu Armata mgħammra bl-aħjar apparat biex taqdi d-dmir tagħha fl-interess tagħna lkoll – mis-sigurtà ta’ pajjiżna sa operazzjonijiet ta’ salvataġġ biex jiġu mgħejuna ċittadini li jistgħu jkunu f’diffikultà.

Bħala gżira, ir-rwol tal-iskwadra tal-ajru tal-Forzi Armati hu essenzjali.  Bi skwadra ta’ 98 persuni, il-Gvern huwa konxju u japprezza x-xogħol siwi tagħkom. 

B’dedikazzjoni u b’kuraġġ intom salvajtu mijiet ta’ persuni li sabu lilhom infushom f’diffikultajiet.  Tirrispondu biex tagħtu l-għajnuna f’kull ċirkustanza, maltemp jew bnazzi, lejl u nhar.  Mhux l-ewwel darba li poġġejtu l-ħajja ta’ ħaddieħor qabel tagħkom. 

F’dawn l-aħħar ġimgħat, pajjiżna kellu rwol importanti fl-evakwazzjoni ta’ eluf ta’ nies mil-Libja.  Servejna bħala bażi umanitarja.  Iffaċilitajna, biex minn pajjiżna jgħaddu 16,000 persuna mil-Libja biex jingħaqdu mal-familji tagħhom f’pajjiżhom.  Konna preparati, tant li pajjiżi oħra qed ifaħħru l-mod li mxejna bih.  Hawn ukoll il-Forzi Armati ta’ Malta rrispondew b’mod eżemplari u b’effiċjenza. 

Hekk kif, b’riżultat ta’ dak li qed jiġri fil-Libja, it-traġedja umana tal-immigrazzjoni irregolari laqtet lil pajjiżna, f’dawn il-ġranet intom ukoll flimkien ma’ suldati ta’ sezzjonijiet oħra fosthom tal-iskwadra marittima rrispondejtu għas-sejħa.

Is-sorveljanza tat-territorju Malti, il-ħidma kontra t-traffikar tad-droga u t-trasport ta’ nies minn Għawdex għall-isptar Mater Dei fost l-oħrajn huma dmirijiet oħra importanti, għalina lkoll.  Dan ix-xogħol jirrikkjedi apparat modern u nies imħarrġa.

L-investiment f’dan il-maritime patrol aircraft u fl-apparat ta’ sorveljanza mibni fuq il-ħtiġijiet tal-Forzi Armati hu mezz ieħor kif qed nimmodernizzaw l-infrastruttura tal-Forzi Armati.

Dan l-investiment ta’ €9.6 miljun ewro ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea se jkun qed itejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-iskwadra tal-ajru. 

Dan tal-lum huwa biss ħolqa waħda f’katina sħiħa ta’ investimenti.  Minbarra dan l-ajruplan, l-iskwadra tal-ajru bbenefikat minn proġett ta’ €2 miljun fejn ajruplan u ħelikopter ġew immodernizzati.  Se jkun ukoll qed jinbena ħanger ġdid biex jilqa’ dan u ajruplan ieħor ġdid li se jkun qed jiżdied mal-flotta sena oħra. 

Tul l-aħħar sena, bdew jintużaw erba’ patrol boats ġodda mill-Forzi Armati, u saret sistema ġdida ta’ komunikazzjoni b’valur ta’ aktar minn €12-il miljun.  Dawn l-investimenti kollha jikkumplimentaw lil xulxin u huma parti minn pjan ħolistiku biex intejbu l-operat u l-kapaċità tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-Forzi Armati mhux mibnija biss fuq l-apparat.  Hija fuq kollox mibnija fuq il-ħidma u d-dedikazzjoni ta’ kull membru.  Għalhekk il-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti permezz ta’ programmi ta’ taħriġ kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. 

Sinjuri,

Illum qegħdin nassistu għal pass ieħor importanti għall-Forzi Armati ta’ Malta.  Pass lejn l-immodernizzar tal-apparat u t-titjib fl-operat.

Permezz ta’ dan l-investiment, qegħdin ukoll niċċelebraw ir-rabtiet ta’ pajjiżna u l-Forzi Armati ta’ Malta mal-Istati Uniti u l-Ġermanja. 

Qegħdin għal darb’oħra naraw il-benefiċċji tanġibbli tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea li permezz tal-fondi qed insaħħu l-Forzi Armati ta’ Malta.  L-għażla li ninvestu aktar fil-Forzi Armati ta’ Malta turi l-fiduċja li pajjiżna għandu fikom.

Il-Gvern u l-poplu Malti huwa kburi bix-xogħol u d-dedikazzjoni tagħkom.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow