DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, WAQT IT-TNEDIJA TA’ RIŻULTATI TA’ SERVEJ DWAR IL-QARI – QAWRA – IT-TLIETA 5 TA’ APRIL 2011
B’wiċċi minn quddiem, inħoss u nistqarr li llum hu jum importanti għal min jixtieq jara l-ktieb jiġi ’l quddiem f’pajjiżna. Illum qed nippreżentaw ir-riżultat ta’ riċerka li għamel il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb dwar il-qari f’Malta.
Kif smajtu, dan l-istudju hu wieħed komprensiv u dettaljat u joffrilna sfida biex nibdew infejqu l-mard li hemm f’dan is-settur. Hu servej li qed iqajjem mill-gdid il-kwistjoni ta’ kemm il-poplu Malti jaqra jew ma jaqrax. Sa issa il-perċezzjoni dejjem kienet waħda pessimista f’dan il-qasam.
Għalija l-profil tal-qarrej li joħroġ minn dan l-istudju xjentifiku hu wieħed inkoraġġanti. Ir-riċerka qed turi numri konsiderevoli ta’ nies li jaqraw u li tinteressahom il-kelma miktuba fil-forom varji tagħha imqar jekk kif ingħad diġà, mhux bilfors qed nitkellmu fuq qari assidwu ta’ kotba
L-utilità ta’ din ir-riċerka xjentifika hi kbira għax għal dawn l-aħħar snin konna qed nistrieħu fuq mistoqsija li kienet issir darba f’sena u dejjem noħorġu diżappuntati dwar il-mudelli ta’ qari tal-poplu Malti. Issa qed nifhmu wkoll, jekk kien hemm lok għal tħassib, x’qed jieħu post il-ktieb.
Fl-aħħar edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, jien irrimarkajt u kkumentajt dwar is-setgħa li għandhom il-kotba u kif fil-kotba hemm potenzjal dinamiku li kapaċi jġib il-bidla.
Ir-riżultat ta’ dan is-servej se jgħinna biex infasslu l-futur tal-edukazzjoni tagħna f’dan il-qasam. Ilkoll tafu li bħalissa għaddejjin riformi kbar fil-qasam edukattiv. Fil-ġimgħat li ġejjin se tkun approvata liġi fil-Parlament li se tibdel ukoll l-istruttura tal-libreriji f’Malta. Diġà sar ħafna xogħol u rridu nikkonsolidawh biex nibdew nimxu fuq linji iktar Ewropej mingħajr ma ninsew il-limiti tagħna bħala nazzjon żgħir.
Il-Gvern f’dawn l-aħħar żewġ baġits żied sew is-somom allokati għal-libreriji li issa għandhom mitt elf Ewro biex jintefqu f’kotba meta fl-Ingilterra bħalissa għaddejja kruċjata biex jiġu salvati numru ta’ libreriji minħabba li qed jinħassu ta’ theddida fuq l-ispiża pubblika.
Mhux qed ngħid li €100,000 fis-sena għal kotba hu biżżejjed. Iżda zgur, u ta’ dan inħossni kburija, li dan wieħed mill-akbar investimenti li qatt saru fuq numru ta’ snin fejn jidħlu l-libreriji. Dan hu settur importanti u ma nistgħux ma narawx li l-libreriji jkunu mgħammra bl-aħħar pubblikazzjonijiet u b’kotba dinamiċi.
Is-servej qed jgħajjat bl-aktar leħen għoli biex aktar ġenituri jieħdu sehem fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. Mhux qed nirreferi għal maratoni ta’ studju bl-amment, imma għal sħubija flimkien fil-qari. Il-kunċett ta’ bed time reading li naf li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jaħdem fuqu, għandu jidħol aktar u dan mhux xi ħaġa li bilfors trid tagħmel il-mara. L-irġiel ukoll għandhom ħafna x’joffru f’dan is-settur.
Irridu lkoll flimkien inkomplu niġġieldu l-illiteriżmu. Din mhix problema tal-Ministru biss. Jew tad-Diretturi tal-Edukazzjoni. Jew tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Hi problema tan-nazzjon kollu u kulħadd irid jagħmel il-biċċa tiegħu.
Jien għandi rispett kbir lejn kulmin jaħdem għat-tixrid tat-tagħlim u tal-qari. L-istrutturi edukattivi tal-Istat qegħdin hemm proprju għalhekk. Iżda hemm ukoll għaqdiet mhux governattivi li jagħmlu xogħol siewi. F’din is-sena dedikata lill-volontarjat, ippermettuli nislet l-eżempju taċ-Ċentru Paolo Frere li qed jinvesti ħafna ħin u enerġija fit-tagħlim għall-adulti.
Jidher ċar mis-servej li biex inkomplu nxerrdu l-kultura tal-qari rridu mmorru f’komunitajiet fejn għal raġuni jew oħra il-qari u l-ktieb m’humiex fuq l-aġenda tan-nies.
Illum se nagħmlu pass konkret ieħor f’din id-direzzjoni. Dan li qed taraw hu kampjun ta’ kotba li se nqassmu fil-kumplessi AĊĊESS li għandna u li minnhom il-ħaddiema soċjali tagħna jagħmlu xogħol mal-komunità u se nħeġġuhom biex fil-ħidma tagħhom jużaw dawn il-kotba biex iressqu l-kotba u l-qari lejn in-nies.
Aktar tard dan ix-xahar se nħabbru ħidma li nibdew ma’ numru ta’ Kunsilli Lokali f’binjiet tal-Gvern li hemm fil-lokalitajiet tagħhom, liema ħidma tinkludi wkoll aspett soċjali biex insaħħu dawn il-komunitajiet, permezz ta’ ħidma edukattiva li matulha wkoll ikollna ċans nippromwovu aktar il-kultura tal-qari. B’dawn id-donazzjonijiet sostanzjali ta’ kotba qed nippromwovu wkoll il-ktieb Malti. Iżda inutli jkollna kotba sbieħ u ta’ valur jekk ma jkollniex qarrejja.
Aspett ieħor li joħroġ minn din ir-riċerka hu kif it-teknoloġija qed toffri kompetizzjoni lill-qari. Hu minnu li l-internet illum sar fonti ta’ informazzjoni u joffri opportunitajiet għal min irid jakkwista l-kotba kemm fil-format tradizzjonali kif ukoll dak elettroniku, iżda hemm bżonn li nużaw dawn il-mezzi biex iktar nies jitħabbu mal-ktieb.
Persważa li dan l-istudju se jkun ta’ motivazzjoni kbira biex ikompli jixpruna lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ikompli jifrex u jġedded il-ħidma tiegħu b’risq il-ktieb.
Mhux għax il-Kunsill għandu bżonn min jimbuttah għax naf kemm fih nies dedikati li dejjem jaraw x’se jivvinntaw biex ikomplu jxerrdu l-imħabba lejn il-ktieb u lejn il-qari.
Nieħu gost ninnota li l-Kunsill tal-Ktieb qed jagħmel aktar minn dak li mistenni minnu. Infatti, barra milli jorganizza l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Fiera tal-Ktieb, matul is-Sajf qed jieħu l-kotba fil-bajjiet biex iħajjar in-nies ikomplu jaqraw anke f’xatt il-baħar, qed jorganizza konkors ta’ Rumanzi għaż-żgħażagħ li minnu qed jitwieldu kitttieba u kotba ġodda, qed iżomm arkivju online ta’ kotba Maltin (Books in Print) u qed imexxi ’l quddiem diversi proġetti oħra.
Għalhekk irrid nieħu din l-okkażjoni biex filwaqt li nħeġġeġ lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex ikompli għaddej b’dan ir-ritmu ta’ xogħol, nawgura li lkoll kemm aħna nevalwaw sew dan is-servej biex fl-aħħar mill-aħħar ikollna politika aħjar, u aqwa minn hekk ikollna wkoll riżultati aħjar.
Fl-aħħarnett nappella biex aktar nies jiffrekwentaw il-libreriji u jgawdu mill-frott tagħhom. Il-libreriji m’humiex hemm għat-tfal biss imma għal kulħadd. Idealment tfal u ġenituri jmorru f’dawn il-postijiet u jaqraw kotba flimkien.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en
pr0665 - rizultati.pdf