TISĦIĦ FIS-SERVIZZI TAS-SAĦĦA F’GĦAWDEX PERMEZZ TAL-INAWGURAZZJONI TAD-DIPARTIMENT TAR-RADJOLOĠIJA FL-ISPTAR ĠENERALI TA’ GĦAWDEX
‘Id-Dipartiment ġdid tar-Radjoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ser ikompli jsaħħaħ il-kwalità u n-numru tas-servizzi tas-saħħa fil-gżira ta’ Għawdex. Dan permezz ta’ apparat diġitali modern li jixraq lil sptar reġjonali fiż-żminijiet tal-lum.’ Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt l-inawgurazzjoni ta’ Dipartiment tar-Radjoloġija ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Permezz ta’ dan il-proġett dak li kien servizz tar-radjoloġija mogħti permezz ta’ X-ray screening machine nbidel f’dipartiment li jinkludi ħames taqsimiet, li permezz tagħhom ġew imtejba konsiderevolment is-servizzi ta’ qabel filwaqt li qed jintroduċi servizzi ġodda li jgħollu l-livelli tas-servizzi radjoloġiċi fil-gżira ta’ Għawdex. Dan bis-saħħa ta’ apparat diġitali mill-aktar modern li jiffaċilita riżultati aktar dettaljati b’aktar effiċjenza.
Dan l-apparat jinkludi Skeletal Digital X-ray unit, Digital Radiography/Fluoroscopy Unit, Ultrasound unit with colour Doppler, Direct Digital Mammography Unit u Spiral CT Scan 64-slice. Bis-saħħa taż-żewġ units ġodda qed jiġu introdotti għall-ewwel darba f’Għawdex is-servizzi tal-mammografija u dawk ta’ CT Scanning. Pazjenti Għawdxin sa issa kien ikollhom imorru għal dawn it-testijiet fl-isptar Mater Dei. Għalhekk minbarra li ser ikunu qegħdin inaqqsu l-inkonvenjent għall-pazjenti Għawdxin dan ser jirriżulta wkoll fi tnaqqis ta’ pressjoni fuq is-servizzi tal-isptar f’Malta. Il-Mammography Unit diġà bdiet tintuża biex nisa Għawdxin jipparteċipaw fin-National Breast Screening Programme. L-ispiral CT Scanner 64 slice tagħti immaġini tri-dimensjonali ferm dettaljati li jwasslu għal diversi riżultati permezz ta’ test wieħed. Barraminhekk għandha wkoll faċilitajiet li jippermettu investigazzjonijiet oħra fosthom anġjografiji.
Fid-diskors tagħha l-Ministru Giovanna Debono fissret kif dan il-proġett intensiv kien jeħtieġ ħidma koordinata li kienet tinkludi laqgħat u xogħol marbuta mal-proġettazzjoni, kwantifikazzjoni, finanzjament u xogħol ieħor li wassal biex inkiseb ir-riżultat mixtieq. Dan kien jinkludi ristrutturar estensiv tal-post biex ikun jista’ jakkomoda l-eżiġenzi li se jkunu rikjesti minn dan id-dipartiment. Il-Ministru għal Għawdex fissret kif il-proġett li ġie inawgurat fisser investiment komplessiv ta’ kważi €3.5 miljun Ewro.
It-twaqqif tad-Dipartiment tar-Radjoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huwa parti minn proġett akbar li qed igawdi minn kofinanzjamnet ta’ €3.2 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u jinkludi wkoll ir-ristrutturar tat-tieni sala tal-operazzjonijiet ġewwa dan l-isptar. €2.2 miljun minn dawn il-fondi ġew allokati għax-xiri u l-installazzjoni ta’ lead shielding u l-apparat diġitali ġdid. Għalhekk il-proġett kien jinħtieġ ukoll investiment ta’ madwar €300,000 biex jiġi mwettaq xogħol strutturali, installazzjoni ta’ servizzi ġodda u rfinar.
Il-Ministru għal Għawdex ħabbret ukoll li sar investiment ta’ madwar miljun ewro oħra biex inxtara apparat u ġew installati l-istess sistemi li hemm fl-isptar Mater Dei (IHIS). B’hekk riżultati mid-Dipartiment tar-Radjoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ikunu jistgħu jintbagħtu u jinqraw mill-Isptar Mater Dei fi ftit ħin. Dan jgħodd ukoll biex riżultati ta’ testijiet li jsiru fl-isptar Mater Dei jkunu aċċessibbli mill-isptar f’Għawdex. Barraminhekk investiment ieħor ta’ nofs miljun ewro ser jippermetti li din il-proċedura tintuża wkoll mil-laboratorji fiż-żewġ sptarijiet.
‘Il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli jinvesti f’aktar titjib biex l-istruttura u s-servizzi tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li issa ilu jopera għal aktar minn 35 sena, ikomplu jiġu aġġornati biex jiġu msaħħa dejjem aktar is-servizzi tas-saħħa li jingħataw fuq il-gżira ta’ Għawdex’, temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en