GĦAJNUNA LIL PERSUNI B’DIŻABILTÀ BIEX ISIRU AKTAR INDIPENDENTI
Programm ta’ taħriġ għal dawk in-nies li jħarrġu persuni b’diżabiltà biex jgħixu ħajja aktar indipendenti ntemm illum b’konferenza organizzata mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabiltà.
Dan kien proġett b’investiment ta €409,627 li parti minnu kien iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Socjali Ewropew, fejn ħadu sehem aktar minn 150 professjonist ilkoll mis-settur tat-terapija rijabilitattiva.
Il-konferenza kienet indirizzata mill-Onorevoli Stephen Spiteri, Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u mis-Sur Alan Norton, Direttur tal-Assist fir-Renju Unit fost l-oħrajn. L-iskop tal-programm ta’ taħriġ kien li persuni b’diżabiltà jiksbu aktar għarfien kif jistgħu jkunu aktar indipendenti u jtejbu l-kwalità ta’ ħajjithom billi wkoll jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Dan il-proġett se jippermetti li persuni b’diżabiltà ma jkollhomx bżonn li jiffinanzjaw lilhom infushom biex imorru f’ċentri speċjalizzati barra minn Malta biex jingħataw taħriġ. Minflok se jkunu professjonisti Maltin li ħadu sehem f’dan il-programm ta’ taħriġ li kien maqsum f’diversi sezzjonijiet, li se jibdew jagħtu pariri u appoġġ lill-persuni b’diżabilta fiċ-Ċentru għall-Ħajja Indipendenti mmexxi mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabiltà.
L-Onorevoli Spiteri saħaq illi fil-qasam tad-diżabilità, il-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex l-entitajiet fil-qasam soċjali, edukattiv, u dak tax-xogħol, inklużi dawk l-għaqdiet volontarji u anke l-privat jaħdmu flimkien, bil-għan li jkollna iżjed servizzi li jħarsu mill-qrib lejn il-qasam tad-diżabilità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en