DISKORS MILL-ONOR JASON AZZOPARDI SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAL NEGOZJI ŻGĦAR U ARTIJIET FIL-FTUĦ UFFIĊJALI TAL-HSBC ADVANCE MALTA PROPERTY EXPO - MFCC TA’ QALI, 17 TA’ MARZU 2011
Sinjuri,
Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nkun hawn magħkom illejla, biex f’isem il-Gvern niftaħ din l-edizzjoni tal-HSBC Advance Malta Property EXPO. Din il-fiera li wasslet fit-tielet edizzjoni tagħha, illum stabbiliet ruħha sew fil-kalendarju ta’ fieri fil-pajjiż, għax tassew qed tiftaħ tieqa fuq firxa ta’ opportunitajiet fis-suq tal-proprjeta’. Fl-HSBC Advance Malta Property Expo, l-iżviluppatur u l-klijent potenzjali, isibu ambjent ideali biex fih jiltaqgħu u jilħqu l-għanijiet tagħhom. Nawgura li din l-edizzjoni tkun karatterizzata b’ħafna ħidma sfieqa għas-settur.
Din il-Fiera tajjeb li nieħduha bħala okkażjoni biex nagħtu ħarsa analitika lejn is-suq tal-proprjeta’ f’pajjiżna. Tajjeb li dan nagħmluh ukoll fl-isfond ta’ dak li qed iseħħ madwarna, f’realta’ fluida, li qed tinbidel minn jum għall-ieħor, riżultat ta’ avvenimenti li qed jibdlu t-topografija soċjali, kulturali u politika ta’ pajjiżi ġirien tagħna.
Fl-aħħar sentejn kulħadd jaf kif id-dinja għaddiet minn mumenti ta’ prova serja, b’riċessjoni li offriet sfidi kbar għall-ekonomiji stabbiliti. Pajjiżna jista’ jgħid, b’sodisfazzjon li mexxa politika ekonomika għaqlija f’dan il-perjodu – politika li issarfet f’riżultati tajbin, u li jispiraw ottimiżmu. Kif ġie innutat, konna fost l-aħħar pajjiżi li dħalna fir-riċessjoni, u fost l-ewwel li ħriġna minnha. Dan kien frott ta’ politika li wieżnet l-oqsma li l-iżjed kienu suxxettibbli għal din it-turbolenza ekonomika, ħarisna l-importanza tax-xogħol, u komplejna ninvestu b’saħħa fi proġetti li jiġġeneraw l-attivita ekonomika.
Meta nħarsu lejn dak li għadu qed iseħħ madwarna illum, anke fis-settur tal-proprjeta’, naraw li Malta diġa qed tgawdi minn qagħda aħjar minn pajjiżi ikbar, u li tajjeb nibdew nisfruttaw.
Fi Spanja is-suq tal-proprjeta’ ikkollassa fl-aħħar xhur, b’riżultati diżastrużi, kemm fuq il-front domestiku, kif ukoll fuq tal-investituri barranin. Dan il-kollass qed ifisser li fi Spanja in-nies qed iħallsu loans fuq djar li illum jiswew nofs dak li kienu jiswew meta inxtrat il-proprjeta’.
Fi Franza, minn San Tropez sa Nizza, proġetti ta’ żvilupp ta’ livell mill-iżjed għoli illum sofrew tnaqqis fil-valur tagħhom ta’ madwar 15% fl-aħħar sentejn, u kien biss reċentement li reġgħu bdew jistabbilixxu ruħhom.
Il-Greċja, waħda mill-agħar vittmi tar-reċessjoni, illum tinsab mgħażżra b’dejn riżultat tal-Bail-Out li ħadet mill-Unjoni Ewropea. Is-suq tal-iżvilupp tal-proprjeta’ f’dan il-pajjiż ma jidhirx li qed joffri opportunitajiet tad-deheb għal min jixtieq jiżviluppa.
Dawn il-ftit ritratti ta’ dak li qed jiġri madwarna malajr jagħtuna stampa ċara tal-pożizzjoni li fiha tinsab Malta. Din il-pożizzjoni tagħtina l-aqwa opportunita’ x’nisfruttaw, biex noħolqu l-investiment, li jġib ix-xogħol.
L-aħħar Quarterly Review tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, maħruġ fit-28 ta’ Frar li għadda, jiddikjara kif il-valur tal-proprjeta’ residenzjali f’Malta għola b’1.5% fl-aħħar 3 xhur tal-2010, u dan fuq żieda ta’ 0.5% li diġa kienet ġiet irreġistrata fit-3 xhur preċedenti. Din kienet it-tielet żieda konsekuttiva li esperjenza is-suq.
Dawn iċ-ċifri jikkumplimentaw il-fatt li is-suq tal-proprjeta’ in ġenerali ukoll ra tkabbir fl-aħħar snin. Il-valur miżjud gross li dan il-qasam ikkontribbwixxa lejn l-ekonomija żdied fl-2010 għal ftit iktar minn €980 miljun. Dan ifisser tkabbir ta’ 4.4% fuq is-sena 2009. Dan it-tkabbir ġie fuq tkabbir ieħor li kien diġa irregistrat fuq is-sena 2008.
Iżda biex wieħed jifhem sewwa il-passi kbar li dan il-qasam wettaq f’pajjiżna fl-aħħar snin, tajjeb li nħarsu lejn firxa itwal ta’ snin. Bejn is-sena 2004 sa s-sena 2010, dan il-qasam irreġistra żieda fil-kontribuzzjoni tal-valur miżjud gross lejn l-ekonomija ta’ madwar 70% .
L-andament tas-suq tal-proprjeta’ jinqara ukoll minn fattur ieħor li l-Gvern isegwi direttament. Fl-aħħar sena ġiet irreġsitrata żieda ukoll fl-ammont ta’ kuntratti u konvenji li saru bejn is-snin 2009 u 2010. Il-kuntratti li saru fl-2010 żdiedu għal 11,774 għal valur ta’ Biljun, Mija Tnejn u Sittin Miljun Ewro (€1,162,040,576) filwaqt li l-ammont ta’ konvenji żdied għal 8,065 b’valur ta’ Biljun u Żewġ Miljun Ewro (€1,002,972,525).
Dan kollu jawgura tajjeb għal dan is-suq li fl-aħħar xhur wera kemm huwa kapaċi jkun b’saħħtu f’wiċċ l-isfidi, u jilqa’ għad-daqqiet.
Jawgura tajjeb ukoll il-fatt li l-aħħar statistika li ħarget din il-ġimgħa stess mill-aġenzija tal-Unjoni Ewropea Eurostat turi kif Malta kellha fl-aħħar 3 xhur tas-sena 2010 l-akbar żieda ta’ impjiegi minn fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea bi 3.4%, dan meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel. Il-medja Ewropea kienet biss ta’ 0.3%.
Dan huwa l-aqwa ċertifikat li pajjiżna jista jingħata għax ifisser li l-politika favur ix-xogħol qed tissarraf b’mod konkret u qed iġib ir-riżultati.
Dan it-tkabbir li jispira ottimiżmu, jista’ jwassal biss għal ġid ‘across the board’ għax iżjed nies jaħdmu ifissru iżjed flus fl-idejna, iżjed nies li jridu jinvestu, iżjed attivita kummerċjali, u għaliex le, iżjed interess lejn is-settur tal-kostruzzjoni, real estate, bini u żvilupp: iżjed interess lejn is-suq tal-proprjeta’.
Għalhekk ippermettuli intenni l-awgurju tiegħi lill-organizzaturi ta’ din il-fiera, lill-parteċipanti kollha, u lil dawk kollha li ser iżuruha fil-jiem li ġejjin. J’Alla din il-fiera twassalkom għar-riżultati pożittivi, biex tkomplu tikkontribbwixxu b’saħħa għall-ekonomija, u tilħqu l-għanijiet tagħkom.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en