Left arrow Mur Lura

IMNEDIJA KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR RIFORMA FIL-PENSJONIJIET

pr0515
Date Icon 16/03/2011

Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, nidiet uffiċjalment Konsultazzjoni Pubblika dwar ir-riforma fil-Pensjonijiet fuq rapport imħejji minn Grupp ta’ Ħidma imwaqqaf apposta biex jagħmel proposti dwar din ir-riforma.

Ir-riforma fil-pensjonijiet li twettqet fl-2006 tobbliga lil kull Gvern li jagħmel reviżjoni strateġika tas-sistema tal-pensjonijiet kull ħames snin, bl-ewwel waħda tkun skedata għall-aħħar tal-2010.

Kuntrarju għal dak li jaħsbu xi wħud, dan l-obbligu ma kienx sfurzat fuq il-Gvern Malti mill-Kummissjoni Ewropea iżda imponih fuqu nnifsu l-Gvern Malti biex jassigura li s-sistema tal-pensjonijiet, li tant hi kruċjali għaċ-ċittadini, tiġi evalwata kontinwament biex f’każ ta’ bżonn ta’ xi riformi, dawn ikunu jistgħu jiġu introdotti pass pass, bl-inqas tfixkil soċjali possibli.

L-importanza ta’ reviżjoni kontinwa ta’ dan il-qasam joriġina wkoll mill-fatt li t-tbassir rigward ix-xejriet fil-pensjonijiet jirrikjedi studji fuq perjodu ta’ mill-anqas 50 sena biex jinkludi l-medda ta’ żmien li l-individwu jkun fid-dinja tax-xogħol.  Minkejja dan, il-Gvern jirrikonoxxi li 50 sena hu perjodu twil wisq biex jaċċerta li t-tbassir li jsiru llum se jseħħ kif ippjanat.

Fil-fatt, il-qafas prinċipali li fuqu hi mibnija s-sistema tal-pensjonijiet ‘Pay As You Go’ li għandna llum inbidlet drastikament f’dawn l-aħħar 30 sena għax il-bniedem qed jgħix aktar, ir-rata tal-fertilità naqset u l-popolazzjoni dejjem tikber fl-età.

Il-Ministru Cristina enfasizzat li bis-sistema kif kienet qabel l-1 ta’ Jannar li għadda, kien proġettat li sal-2050 il-valur tal-pensjoni attwali kien jinżel għal 18% ta’ dak li hu llum.  Bit-tibdil li daħal fis-seħħ mill-bidu ta’ din is-sena hu proġettat li fl-2060 il-valur tal-pensjoni ikun ta’ 45% ta’ dik li hi llum.  Dan ifisser li n-niżla fil-valur tal-pensjoni twaqqfet bil-miżuri meħuda u s-sistema tal-pensjonijiet ma kkollassatx.

Iżda dan mhux biżżejjed għax il-pensjonant xorta ma jkunx jista’ jgħix komdu b’pensjoni li l-valur tagħha jkun anqas min-nofs ta’ dak li hu llum.

Il-Grupp ta’ Ħidma ħejja rapport bi proposti biex is-sitwazzjoni titjieb u ż-żgħażagħ ħaddiema ta’ llum, meta jiġu biex jirtiraw ikollhom pensjoni b’valur li tkun tista’ tgħinhom jgħixu b’mod diċenti.

Fil-bidu ta’ Diċembru tal-2010, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Pensjonijiet, li kien appuntat mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja biex iħejji r-reviżjoni tal-pensjonijiet hekk kif provdut fl-Att tas-Sigurtà Soċjali, ikkonkluda x-xogħol tiegħu. Fl-14 ta’ Diċembru 2010, il-Ministru poġġiet ir-rapport ta’ dan il-Grupp fuq il-Mejda tal-Parlament kif stipulat bil-liġi.

Il-Ministru qalet li l-Gvern għandu interess qawwi li jisma’ l-opinjonijiet taċ-ċittadini kollha – inkluż iż-żgħażagħ – kif ukoll dawk ta’ l-imsieħba soċjali u entitajiet oħra qabel ma jieħu pożizzjoni u jiddeċiedi fuq il-45 rakkomandazzjoni preżentati mill-Grupp il-Ġdid ta’ Ħidma dwar il-Pensjonijiet.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni, li se jmmexxi dan il-Grupp se jkun jikkonsisti f’numru ta’ laqgħat u diskussjonijiet pubbliċi u attivitajiet oħra relatati, kif ukoll kampanja wiesgħa fuq il-media lokali. Il-Gvern iħeġġeġ liċ-ċittadini kollha, inkluż iż-żgħażagħ, kif ukoll għaqdiet mhux Governattivi u entitajiet oħra, biex iressqu l-veduti u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar dan ir-rapport jew / u s-suġġett tal-pensjonijiet in ġenerali.

Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni fetaħ illum u jibqa’ sejjer sal-31 ta’ Mejju li ġej. Id-dokumentazzjoni kollha relatata ma’ dan is-suġġett tista’ tiġi aċċessata mis-sit elettroniku www.pensionsreform.gov.mt.  Sottomissjonijiet formali u mistoqsijiet dwar ir-rapport prinċipali jew dawk supplimentari jistgħu jintbagħtu lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Pensjonijiet fuq l-indirizz elettroniku pensionsreform@gov.mt. Kull min hu interessat hu mħeġġeġ li juża dan l-indirizz biex jitlob għal-laqgħat jew preżentazzjonijiet mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Pensjonijiet, kif ukoll biex jagħtu l-veduti tagħhom fuq dan is-suġġett.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow