TIŻDIED L-EFFIĊJENZA FIL-PRODUTTIVITÀ TAL-ĦALIB
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino, flimkien mal-Assistent Parlamentari Philip Mifsud, żar razzett tal-baqar fejn ingħataw dettalji dwar l-avvanz li sar f’dan is-settur f’dawn l-aħħar 3 snin. Permezz ta’ programm ta’ ristrutturar li sar f’dawn it-tliet snin, illum insibu anqas baqar filwaqt li l-produzzjoni tal-ħalib żdiedet u tjiebet il-kwalità.
F’dawn l-aħħar tliet snin ingħatat għajnuna li tlaħħaq €3 miljun. Din l-għajnuna serviet sabiex ir-raħħala jtejbu l-merħla li għandhom, jonqas l-ammont ta’ baqar u jonqsu l-problemi ta’ nitrati. Il-merħla saret ukoll aktar b’saħħitha u aktar produttiva, fejn żdied ukoll il-volum tal-ħalib.
L-effiċjenza fis-settur tal-ħalib tjiebet b’8.2%, jiġifieri kull baqra qed tagħti mal-kilo ħalib frisk aktar kuljum. Fl-2003 konna nipproduċu 40 miljun kilo ta’ ħalib fis-sena, filwaqt li llum nipproduċu 42 miljun kilo ta’ ħalib fis-sena. Dan seħħ minkejja l-fatt li l-baqar għall-produzzjoni tal-ħalib naqsu b’8.8%.
“Dan juri li dan is-settur irrisponda tajjeb għar-ristrutturar kemm bit-tibdil tal-merħla kif ukoll bl-investiment li sar u li qiegħed isir fil-maġġoranza tal-irziezet bl-għajnuna finanzjarja mogħtija kemm mill-Gvern kif ukoll minn fondi Ewropej. L-avvanz li sar jitkellem waħdu, u hu għalhekk li l-ħalib Malti ngħata l-marka ta’ kwalità, l-Oval Mark” sostna l-Ministru Pullicino.
Fejn qabel kont tara l-baqar fl-irziezet l-antiki jorqdu fuq id-demel tagħhom stess, illum tara l-baqar jorqdu fuq speċi ta’ bankina insulated u fuq saqqu tal-lastiku sabiex il-baqra ma tmissx mad-demel. Hemm ukoll magna li tagħmel il-massaġġi lil baqar. Dan kollu qed iwassal biex il-baqar ikunu aktar kuntenti u jipproduċu aktar ħalib. Sar avvanż ukoll fis-sistema tat-tindif u bdew jintużaw l-iscrapers u sistema fejn l-art tinkines biex fejn ikunu l-baqar l-art tibqa’ xotta.
Ir-raħħala fl-aħħar xhur ingħataw ukoll għajnuna fuq l-investimenti fl-irziezet tagħhom mill-pjan għall-iżvilupp rurali. Madwar 60 raħħal tal-baqar, tan-nagħaġ u tal-mogħoż ingħataw bejniethom mal-€5 miljun. Din l-għajnuna kienet tlaħħaq nofs l-ispiża totali r-raħħal u għalhekk b’kollox l-investiment fl-irziezet laħaq l-€10 miljun.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en