ŻJARA FI KLASSIJIET TAL-PROĠETT PILOTA “1 TO 1 NETBOOK”
Tfal ingħataw kompjuter kull wieħed biex jitgħallmu bih u jeħduħ anke d-dar
Fl-iskola Primarja ta’ Birkirkara, parti mill-Kulleġġ Santa Tereża, u fi klassi fil-Kulleġġ St. Albert The Great, għaddej proġett pilota fil-qasam tat-tagħlim megħjun mit-teknoloġija tal-informatika bil-kollaborazzjoni tal-kumpannija INTEL li hi ġgant internazzjonali f’dan il-qasam.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja Dolores Cristina, akkumpanjata minn John Davis, Viċi President tal-kumpannija INTEL u Prof. Grace Grima, Direttur Ġenerali għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni, dalgħodu għamlet żjara fiż-żewġ klassijiet fejn hu għaddej dan il-proġett.
Il-Ministru u John Davis assistew għal lezzjoni normali li matulha t-tfal tat-tielet sena tal-primarja għamlu użu minn kompjuter żgħir magħruf bħala Netbook ġentilment mogħti mill-kumpannija INTEL.
Fil-bidu ta’ din is-sena skolastika, id-Direttorati tal-Edukazzjoni ħadmu biex jintroduċu dan il-proġett pilota ġdid u innovattiv imsejjaħ “1 to 1 netbook”, fejn kull student taż-żewġ klassijiet imsemmija ngħata netbook INTEL classmate PC, biex jittieħed anke d-dar u jsir parti mill-għodda tal-istudent.
Il-proġett qed isir ma’ tfal tal-Year 3 (ifisser tfal bejn sitta u seba’ snin), fi klassi fl-iskola tal-Kulleġġ Santa Tereża B’Kara, li hija skola tal-istat u klassi mis-settur tal-knisja – fl-iskola ta’ St Albert The Great.
Parti mill-proġett kienet tikkonsisti ukoll b’introduzzjoni ta’ interactive whiteboard u użu ta’ websites, b’kontenut interessanti. Il-kontenut kien jiġbor fih siti b’materjal lest (close ended software), kemm b’forma ta’ informazzjoni bħal Brittannica u anke b’attivitajiet lesti bħalma hemm f’educationcity, li jgħinu lill-għalliema fl-ispjegazzjoni u jgħinu ukoll biex l-istudenti jikkonsolidaw dak li tgħallmu permezz ta’ logħob li jimmottivahom. It-tielet pakkett għandu kontenut li bih l-istudenti jistgħu jimirħu fil-kreattivita’ tagħhom u b’hekk joħolqu attivitajiet, postcards u stejjer huma stess.
Permezz tal-“1 to 1 Netbook”, l-għalliema jistgħu jużaw metodi ta’ tagħlim differenti minn dak tradizzjonali u jistgħu faċilment jolqtu l-abbiltajiet differenti tal-istudenti. Issa li għaddew kważi żewġ ‘terms’ mis-sena skolastika, kemm l-għalliema u kif ukoll il-ġenituri qed jaraw id-differenza fl-‘approach’ tat-tfal lejn it-teknoloġija.
Permezz tan-netbooks, it-tagħlim estenda ruħu anke barra l-klassi u saħħaħ ħafna r-relazzjoni tal-iskola mad-dar.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina qalet li hu sorprendenti l-mod kif dawn it-tfal ta’ 7 snin illum saru jafu kif jissejvjaw u jittrasferixxu files mill-pendrives, ipoġġu kummenti u posts fuq blogs, jużaw s-software, il-camera u ħafna affarijiet oħra b’faċilita’ kbira.
Għalkemm fil-bidu, wieħed seta’ jara l-livelli differenti ta’ ħiliet li kellhom l-istudenti, ovvjament għax kien jiddependi ħafna mill-kuntatt li kien ikollhom mat-teknoloġija u l-internet, illum qed naraw li t-tfal kollha mxew ‘il quddiem u l-ICT skills li rnexxielhom jakkwistaw f’dan iż-żmien qasir hu impressjonanti!
Biex dan il-proġett ikun suċċess, l-għalliema taż-żewġ skejjel kienu offruti kors ta’ ġimgħa sħiħa matul il-vaganzi tas-Sajf li matulu tgħallmu jużaw il-Classmate PCs, l-interactive whiteboard u software partikolari.
Barra minn dan, eLearning Support teacher ġiet dedikata biex darbtejn fil-ġimgħa taħdem ma’ kull għalliema u tgħinhom jużaw it-teknoloġija bħala għodda fil-lezzjonijiet.
Il-Ministru Cristina filwaqt li rringrazzjat lill-Mr. Davis u l-Kumpannija INTEL għall-għajnuna tagħhom biex seta’ jsir dan il-proġett, awgurat li jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn il-kumpannija u d-Direttorati tal-Edukazzjoni biex dan il-proġett ikun jista’ jinfirex f’aktar skejjel.
Stqarrijiet Oħra:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en