Left arrow Go Back

ŻJARA FI KLASSIJIET TAL-PROĠETT PILOTA “1 TO 1 NETBOOK”

pr0501
Date Icon 15/03/2011

Tfal ingħataw kompjuter kull wieħed biex jitgħallmu bih u jeħduħ anke d-dar

Fl-iskola Primarja ta’ Birkirkara, parti mill-Kulleġġ Santa Tereża, u fi klassi fil-Kulleġġ St. Albert The Great, għaddej proġett pilota fil-qasam tat-tagħlim megħjun mit-teknoloġija tal-informatika bil-kollaborazzjoni tal-kumpannija INTEL li hi ġgant internazzjonali f’dan il-qasam.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja Dolores Cristina, akkumpanjata minn John Davis, Viċi President tal-kumpannija INTEL u Prof. Grace Grima, Direttur Ġenerali għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni, dalgħodu għamlet żjara fiż-żewġ klassijiet fejn hu għaddej dan il-proġett.

Il-Ministru u John Davis assistew għal lezzjoni normali li matulha t-tfal tat-tielet sena tal-primarja għamlu użu minn kompjuter żgħir magħruf bħala Netbook ġentilment mogħti mill-kumpannija INTEL.

Fil-bidu ta’ din is-sena skolastika, id-Direttorati tal-Edukazzjoni ħadmu biex jintroduċu dan il-proġett pilota ġdid u innovattiv imsejjaħ “1 to 1 netbook”, fejn kull student taż-żewġ klassijiet imsemmija ngħata netbook INTEL classmate PC, biex jittieħed anke d-dar u jsir parti mill-għodda tal-istudent. 

Il-proġett qed isir ma’ tfal tal-Year 3 (ifisser tfal bejn sitta u seba’ snin), fi klassi fl-iskola tal-Kulleġġ Santa Tereża B’Kara, li hija skola tal-istat u klassi mis-settur tal-knisja – fl-iskola ta’ St Albert The Great.

Parti mill-proġett kienet tikkonsisti ukoll b’introduzzjoni ta’ interactive whiteboard u użu ta’ websites, b’kontenut interessanti.  Il-kontenut kien jiġbor fih siti b’materjal lest (close ended software), kemm b’forma ta’ informazzjoni bħal Brittannica u anke b’attivitajiet lesti bħalma hemm f’educationcity, li jgħinu lill-għalliema fl-ispjegazzjoni u jgħinu ukoll biex l-istudenti jikkonsolidaw dak li tgħallmu permezz ta’ logħob li jimmottivahom. It-tielet pakkett għandu kontenut li bih l-istudenti jistgħu jimirħu fil-kreattivita’ tagħhom u b’hekk joħolqu attivitajiet, postcards u stejjer huma stess.

Permezz tal-“1 to 1 Netbook”, l-għalliema jistgħu jużaw metodi ta’ tagħlim differenti minn dak tradizzjonali u jistgħu faċilment jolqtu l-abbiltajiet differenti tal-istudenti.  Issa li għaddew kważi żewġ ‘terms’ mis-sena skolastika, kemm l-għalliema u kif ukoll il-ġenituri qed jaraw id-differenza fl-‘approach’ tat-tfal lejn it-teknoloġija. 

Permezz tan-netbooks, it-tagħlim estenda ruħu anke barra l-klassi u saħħaħ ħafna r-relazzjoni tal-iskola mad-dar. 

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina qalet li hu sorprendenti l-mod kif dawn it-tfal ta’ 7 snin illum saru jafu kif jissejvjaw u jittrasferixxu files mill-pendrives, ipoġġu kummenti u posts fuq blogs, jużaw s-software, il-camera u ħafna affarijiet oħra b’faċilita’ kbira. 

Għalkemm fil-bidu, wieħed seta’ jara l-livelli differenti ta’ ħiliet li kellhom l-istudenti, ovvjament għax kien jiddependi ħafna mill-kuntatt li kien ikollhom mat-teknoloġija u l-internet, illum qed naraw li t-tfal kollha mxew ‘il quddiem u l-ICT skills li rnexxielhom jakkwistaw f’dan iż-żmien qasir hu impressjonanti!

Biex dan il-proġett ikun suċċess, l-għalliema taż-żewġ skejjel kienu offruti kors ta’ ġimgħa sħiħa matul il-vaganzi tas-Sajf li matulu tgħallmu jużaw il-Classmate PCs, l-interactive whiteboard u software partikolari.

Barra minn dan, eLearning Support teacher ġiet dedikata biex darbtejn fil-ġimgħa taħdem ma’ kull għalliema u tgħinhom jużaw it-teknoloġija bħala għodda fil-lezzjonijiet.

Il-Ministru Cristina filwaqt li rringrazzjat lill-Mr. Davis u l-Kumpannija INTEL għall-għajnuna tagħhom biex seta’ jsir dan il-proġett, awgurat li jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn il-kumpannija u d-Direttorati tal-Edukazzjoni biex dan il-proġett ikun jista’ jinfirex f’aktar skejjel.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow